Il-ġudikanti issa jistgħu jirtiraw ta’ 68 sena

Emenda kostituzzjonali għaddiet mill-istadji kollha f’seduta waħda

Emenda fil-Kostituzzjoni li permezz tagħha se tgħolli l-età tal-ġudikatura minn 65 għal 68 sena għaddiet mill-istadji kollha f’seduta waħda. L-emenda tgħid li l-ġudikanti jistgħu jibqgħu sa 68 sena iżda jistgħu jagħżlu li jirtiraw ta’ 65 sena. Din hija parti minn sensiela ta’ emendi li qed isiru fl-Kostituzzjoni Maltija xprunati mir-rapport tal-kummissjoni Venezja.

Fil-għeluq tad-diskussjoni fit-tieni qari tal-emenda, il-Ministru Edward Zammit Lewis insista li din l-emendi kellha tgħaddi mill-parlament fl-inqas żmien possibbli.

Bi qbil mal-Oppożizzjoni, l-emenda għaddiet minnufih għall-istadju ta’ kumitat waqt il-plenarja stess fejn il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni kienet qed tagħti d-disponibiltà kollha biex din l-emenda tingħata ‘fast-track’.

“Din hi pjaga, irridu naġixxu u mhux biss inparlaw” – Azzopardi

Hekk kif il-Parlament qed jiddiskuti l-emenda fit-tieni stadju, tkellem id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi fejn hu tkellem fuq ‘il-pjagi’ li jeżistu u enfasizza li “ejja ma nparlawx biss imma naġixxu”.

Id-deputat Parlamentari Jason Azzopardi saħaq mal-Gvern biex flimkien mal-Oppożizzjoni “ma nparlawx biss iżda naġixxu.” Meta kien qed jitkellem fil-parlament ftit tal-minuti wara laqgħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni li fiha ssospenda ruħu mill-Grupp Parlamentari tal-PN, Azzopardi qal li wasal iż-żmien li jinbidel il-mod kif isiru l-inkjesti maġisterjali.

“Jien ilni fil-Parlament mill-1998 u kemm ‘il darba smajt ilmenti ġejjin miż-żewġ naħat tal-kamra dwar id-dewmien esaġerat biex jinqatgħu l-inkjesti maġisterjali,” stqarr Azzopardi.

Huwa qal li mod kif jinqata’ d-dewmien hu billi l-inkjesti jsiru minn ‘pool’ ta’ maġistrati ddedikati għal dawn l-inkjesti. Azzopardi saħaq dwar il-bżonn li jsiru diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-kamra fil-preżenża tal-avukat tal-Istat u rappreżentanza tal-Maġistratura. Azzopardi qal li l-Gvern ma għamel xejn biex l-eks Prim Imħallef Silvio Camilleri jibqa’ fil-pożizzjoni tiegħu għaliex dan irid iġib bidla fil-mod kif jitmexxew il-Qrati.

Huwa qal li fl-aħħar diskors tiegħu, Camilleri, propju ftit tal-ġranet qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, tkellem dwar kif is-saltna tad-dritt taffettwa lin-nies. “Kliem Silvio Camilleri waqgħu f’widnejn torox u l-Gvern issa ġie fi kliemu,” kompla jgħid Azzopardi.

Azzopardi qal li l-Gvern biex ipattilu, qatt ma ddominah biex jmexxi xi inkjesti pubbliċi fejn dejjem jissejjaħ l-istess persuna biex tmexxi dan l-inkjesti.

“Għaddew 5 xhur u ħadd ma nħatar bl-emendi l-ġodda” – Said

Min-naħa tiegħu, Chris Said issugerixxa li ż-żmien biex avukat jista’ jiġi kkonsidrat għal Maġistrat jiżdied għal 10 snin u 15 -il sena għal Imħallef. Said staqsa lill-Ministru kif wara li l-emendi kostituzzjonali għaddew 5 xhur ilu mill-Parlament kif ħadd għadu ma nħatar bis-sistema l-ġdida.

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia saħaq dwar il-bżonn li jieqfu l-inġustizzji man-nies fil-qrati minħabba d-dewmien esaġerat. Huwa qal li wieħed mill-pilastri li jinbena fuqu l-ġustizzja hija żmien li fih ingħata s-sentenza.

Huwa qal il-ġustizzja ma tistax tingħata fi żmien twil għax dan jaffettwa kemm in-negozju kif ukoll lin-nies li jilħqu jikbru qabel ma jieħdu ġustizzja.