Il-GTA trid tnaqqis fil-VAT fuq is-servizzi turistiċi Għawdxin

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu l-GTA qed tappella lill-Gvern biex inaqqas ir-rata tal-VAT fuq tliet snin għas-servizzi turistiċi Għawdxin sabiex tikkumpensa għax-xhur l-inqas bieżla. Il-GTA qed tipproponi li r-rati tal-VAT fuq l-akkomodazzjoni f’Għawdex jinżlu għal 3% bejn Novembru u Marzu u għal 7% bejn April u Ottubru.

Il-GTA qed tipproponi wkoll li r-rata tal-VAT fuq servizzi turistiċi bħal restorants, diving u trasport għandha titniżżel minn 18% għal 10%.

Fil-proposti tagħha għall-baġit, il-GTA qed tisħaq li parti mill-kontribuzzjonijiet ECO jintużaw biex jitjieb il-proditt turistiku Għawdxi.

Proposti oħra jinkludu skemi tat-taħriġ fix-xitwa kif ukoll fondi biex isir studju għal sit alternattiv għal airstrip minbarra dik identifikata s’issa f’Ta’ Lambert fix-Xewkija.

Fl-istess waqt, il-GTA qalet li l-Gvern għandu jikkunsidra proposti minn operaturi biex jibdew iħaddmu s-servizz bil-ħelikopter bejn Malta u Għawdex.

Ħeġġet lill-Gvern idaħħal ir-raba’ vapur bejn iż-żewġ gżejjer u l-introduzzjoni ta’ biljett wieħed għall-Għawdxin li jintuża fuq il-Gozo Channel kif ukoll fuq it-trasport pubbliku.