Trid tinnomina lil xi ħadd fis-settur turistiku Għawdxi?

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, ħabbret l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-premju għat-Turiżmu f’Għawdex.
Il-premji se jingħataw lir-rebbieħa f’attività il-Ħamis 11 ta’ Jannar li ġej filwaqt li n-nominazzjonijiet jagħlqu ġimgħa qabel, fl-4 ta’ Jannar.
Dawn il-premijiet jingħataw kull sena lill-ħaddiema li jispikkaw f’xogħolhom fil-qasam tat-turiżmu f’Għawdex.
Fost dawn il-premijiet tat-turiżmu, l-Assoċjazzjoni Għawdxija tirrikonoxxi lill-aqwa ħaddiem, l-iżgħar ħaddiem fit-turiżmu u l-premju għall-intraprenditorija.
Għall-ewwel darba din is-sena, l-Assoċjazzjoni se tagħti l-premu għall-kisba fit-turiżmu kulturali. Permezz ta’ dan il-premju, l-Assoċjazzjoni se tirrikonoxxi wkoll proġett jew attività li tkun għamlet impatt fil-ħajja kulturali tal-gżira Għawdxija. Dan filwaqt li l-istess inizjattiva tkun irnexxielha ġġib lill-Għawdxin viċin tat-turisti li jżuru l-gżira.
In-nominazzjonijiet flimkien mar-Regolamenti u l-Kundizzjonijiet jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu.