Il-gruppi onlajn jiffukaw aktar fuq li jifred milli fuq dak li jgħaqqad – il-Papa

Papa Franġisku f'wieħed mill-Vjaġġi Pastorali tas-sena li għaddiet

Il-Papa qal li ħafna drabi l-membri ta’ gruppi virtwali jiddefenixxu lilhom infushom permezz ta’ dak li jifridhom aktar milli dak li jgħaqqadhom.

Dan qalu l-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għat-53 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni li se jiġi ċċelebrat fit-2 ta’ Ġunju 2019, ippublikat illum fil-festa ta’ San Franġisk de Sales, qaddis protettur tal-ġurnalisti u l-kittieba. It-tema għal din is-sena hi: “Aħna membri ta’ xulxin. Minn komunitajiet ta’ networks socjali għal komunitajiet umani”.

Skont il-Papa s-social network communities li huma komunitajiet virtwali huma gruppi ta’ individwi li jirrikonoxxu lil xulxin permezz ta’ interessi komuni jew tħassib ikkaraterizzat permezz ta’ rabtiet dgħajfin.

Il-Papa qal li aktar minn hekk l-identità fis-social web ħafna drabi hija bbażata fuq l-oppożizzjoni kontra dawk il-persuni li huma barra mill-grupp. Fil-fehma tal-Papa, din it-tendenza tinkoraġġixxi lil gruppi biex jeskludu d-diversità.

‘Il-Knisja dejjem ippruvat tippromwovi l-użu tal-internet’

Hu spjega li minn meta l-internet beda jeżisti, il-Knisja dejjem ippruvat tippromwovi l-użu tiegħu bħala servizz għar-relazzjonijiet ta’ bejn in-nies u għas-solidarjetà. Il-Papa qal li l-ambjent tal-midja tant qed jinfirex li kważi qed isir ħaġa waħda mal-isfera tal-ħajja ta’ kuljum. Qal li ħafna esperti jidentifikaw ir-riskji li jheddu t-tfittxija, u l-qsim ta’ informazzjoni awtentika fuq skala globali. Saħaq li jekk l-internet jirrapreżenta l-possibilità straordinarja tal-aċċess tal-għerf, huwa wkoll veru li ġie provat illi sar wieħed mill-aktar oqsma esposti għad-disinformazzjoni u għad-disturzjoni tal-fatti u tar-relazzjonijiet interpersonali għal t’apposta.

Skont il-Papa, wieħed irid jirrikonoxxi kif in-networks soċjali min-naħa jgħinu lil bniedem biex ikollu rabta ma’ ħaddieħor u jkun jista’ jgħin. Mill-banda l-oħra, huma jistgħu jisilfu lilhom infushom għall-manipulazzjoni tad-data personali. Dan għandu l-mira li jġib vantaġġi politiċi jew ekonomiċi mingħajr ir-rispett lejn il-bniedem u għad-drittijiet tiegħu. Qal ukoll li skont l-istatistiċi, wieħed minn kull erba’ persuni żgħar ikunu involuti f’cyberbullying.

Fi kliem il-Papa wieħed għandu jirrefletti fuq il-metafora tax-xibka (net) li kienet il-bażi tal-internet. Qal li x-xibka għandha numru ta’ linji li jaqsmu fuq xulxin li jassiguraw l-istabbilità tax-xibka mingħajr ċentru. Il-kunċett jaħdem għax l-elementi kollha jaqsmu r-responsabbilità.

Il-Papa qal ukoll li l-metafora tax-xibka tfakkar ukoll fl-istampa ta’ komunità. Żied jgħid li komunità tkun aktar soda jekk hija magħquda.

Ix-xibka (the net) hija opportunità biex issir promozzjoni tal-laqgħa bejn il-bniedem qal il-Papa li min-naħa l-oħra qal li tista’ wkoll iżżid l-iżolazzjoni tagħna bħal dik ix-xibka li tista’ taqbad lil xi ħadd f’nassa. Kompla jgħid li l-persuni żgħar fl-età huma l-aktar esposti għall-illużjoni li x-xibka soċjali (social web) tista’ tkun ta’ sodisfazjoni totali taħghom fuq livell ta’ relazzjonijiet. Qal li hemm il-fenomenu perikoluż li ż-żgħażagħ isiru eremiti soċjali li jkunu f’riskju li jitbiegħdu mis-soċjetà.

Il-Papa qal li l-metafora ta’ ġisem u l-membri li jwasslu lil dak li jkun jirrefletti dwar l-identità tiegħu li hija bbażata fuq il-komunjoni.

“Bħala Kristjani, aħna kollha nirrokonoxxu lilna nfusna bħala membri ta’ ġisem wieħed li r-ras tiegħu huwa Kristu. Dan jgħinna biex ma nħarsux lejn in-nies bħala kompetituri imma biex nikkunsidraw anke lill-għedewwa bħala persuni. M’għandniex bżonn għadu biex niddefenixxu lilna nfusna għax il-ħarsa profonda li nitgħallmu minn Kristu twassalna biex niskopru l-“otherness” f’mod ġdid, bħala parti integrali u kundizzjoni tar-relazzjoni li wieħed ikun qrib ta’ xi ħadd.”

Skont il-Papa jekk il-Knisja tikkoordina l-attivitajiet tagħha permezz tan-network allura din tkun riżorsa.

Qal li l-Knisja nnifisha hija network li ngħaqdet permezz tal-komunjoni Ewkaristika fejn l-unità mhix ibbażata fuq il-likes imma fuq il-verità u fuq l-‘amen’.