Il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew jikkundanna l-Gvern Malti

Il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew ikkundanna bl-iktar mod kategoriku d-deċiżjoni li l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi jitressaq il-Qorti wara kummenti li għadda lill-eksKummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Iċ-Ċermen tal-Grupp tal-PPE, Manfred Weber qal li “hemm limiti ta’ fejn jista’ jasal il-Gvern Laburista Malti”. Tenna li din il-logħba kontinwa għall-poter tnaqqar mid-drittijiet eżistenti tal-bniedem.
“F’demokrazija sħiħa, li tressaq deputat tal-Oppożizzjoni, fil-kapaċità tiegħu ta’ Shadow Minister, il-Qorti hija xi ħaġa li ma tismax biha”, sostna Weber.
Sostna wkoll li l-PPE se jaqbeż għall-interessi taċ-ċittadini Maltin kontra l-interessi tal-Gvern li sar inkosistenti f’dak li jgħid.
L-istqarrija taċ-Ċermen tal-Grupp tal-PPE tkompli tgħid li se jieħu nota ta’ kif il-Prim Ministru qed jimxi fil-każ taċ-Chief of Staff tiegħu u d-Deput tiegħu Konrad Mizzi anke fid-dawl tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fis-sena li ġejja.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Grupp tal-PPE jinsab imħasseb ħafna u mhux se jibqa’ wieqaf quddiem dawn l-affarijiet.
Reazzjoni Partit Laburista:
F’reazzjoni l-PL qal li l-każ li semma’ l-President tal-Partit Popolari Ewropew (PPE), Manfred Weber kien ibbażżat fuq ilment minn ċittadin privat li ma jifformax parti mill-Gvern.
Tenna li Membru tal-Parlament huwa ugwali f'għajnejn il-liġi bħal kull ċittadin ieħor u huwa mistenni li jaġixxi bir-responsabbiltà meta jikkummenta pubblikament .
Qal li Weber qed jissuġġerixxi li l-Gvern jintervjeni fil-Ġustizzja u li wieħed jistenna li l-President tal-akbar grupp fil-Parlament Ewropej li jiċċekkja l-fatti u ma jiddependix biss fuq aħbarijiet partiġjani.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
F’reazzjoni l-PN qal li l-uniċi tliet persuni li jtebbgħu r-reputazzjoni ta’ Malta huma Joseph Muscat , Keith Schembri u Konrad Mizzi bl-iskandlu tal-Panama.