Il-Grupp Queen f’kunċert f’Ħal Għaxaq

Long Live the Queen huwa kunċert li se jiġi mtella’ mill-grupp Break Free, tribute band, meqjusa bħala waħda mill-aħjar fl-Ewopa għall-mużika tal-grupp leġġendarju Queen. Dan se jsir fil-grounds ta’ Ħal Għaxaq li assoċjat ma’ kunċert oħra fosthom tal-gruppi Modern Talking u Winter Moods.

Il-kantant ewlieni tal-grupp huwa meqjus minn bosta, bħala wieħed mill-iktar li jqarreb il-vuċi tal-leġġenda Freddie Mercury.

Wara s-suċċess tal-film Bohemian Rhapsody li jittratta l-ħajja ta’ Freddie Mercury, dan il-kunċert żgur li ser joffri nostalġija mill-isbaħ lil dawk kollha li jħobbu l-mużika tal-Queen. F’dan il-kunċert ser jindaqqu l-aktar diski li għamlu success tul il-karriera tal-grupp Queen, fosthom The Show Must Go on, Bohemian Rhapsody, We are the Champions, We will rock you u Love of my Life.

Dan l-ispettaklu ser joffri esperjenza mill-aqwa u se tiġi kkreata l- atmosfera famuża tal-kunċerti kolossali li kienu jtellgħu l-grupp Queen. L-ispettaklu ta’ dawl u sound ser ikun qiegħed jikkumplimenta dan kollu biex verament ikollna kunċert mill-aqwa. L-esperjenza internazzjonali ta’ dan il-grupp qiegħda twassal biex ikun milqugħ b’entużjażmu kbir mill-pajjiżi kollha, fejn fost oħrajn tellgħu l-kunċerti tagħhom fir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, l-Ġermanja u Franza.

Id-dħul għal dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas, però dawk kollha li ħa jattendu ser ikunu mitluba jagħtu donazzjoni b’risq Dar Bjorn.