Aġġornata: Il-Grupp Parlamentari tal-PN se jivvota favur in-nomina ta’ Coleiro Preca

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista llejla ddiskuta n-nomina tal-Ministru Marie Louise Coleiro Preca mill-Prim Ministru Joseph Muscat biex tkun il-President il-ġdid ta' Malta.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kkonferma dak li żvela Newsbook.com.mt, li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fil-Parlament se jivvota favur il-ħatra ta' Marie-Louise Coleiro Preca. 
Il-PN jgħid li minkejja li l-Prim Ministru tilef opportunità unika biex ikompli mal-eżempju eċċellenti li bih intgħażel il-President George Abela ħames snin ilu, u li lanqas wettaq konsultazzjoni matura dwar il-President il-ġdid ta’ Malta l-ġdid, iddikjara li se jkun qed jaħdem biex il-pajjiż jingħaqad wara l-President il-ġdid. 
Fl-aħħar elezzjoni, il-Ministru Marie Louise Coleiro Preca ġabet l-akbar ammont ta’ voti wara l-Prim Ministru Joseph Muscat.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li skont il-fehma tal-Maltin hija l-iktar Ministru li qed tħalli riżultat pożittiv.
Apparti minn hekk, l-istess sorsi sostnew li fis-sitt distrett, il-Ministru Coleiro Preca kienet tgħin lil kulħadd mingħajr ma tħares lejn il-kulur politiku.
Għalhekk hija maħbuba wkoll mal-partitarji Nazzjonalisti.
Waqt il-programm “Newsbook” fuq RTK, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-opinjoni ġenerali tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista hija waħda favur in-nomina ta’ Marie-Louise Coleiro Preca għall-kariga ta’ President.
Is-sorsi sostnew ma’ Newsbook.com.mt, li hemm sezzjoni fid-Dar Ċentrali li mhumiex kuntenti għall-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li ma jikkonsultax mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dwar din in-nomina kif mitlub bil-Kostituzzjoni.
Minflok Simon Busuttil kien stqarr li meta ntalab imur Kastilja, il-Prim Ministru kien diġà ddeċieda.