Il-Grupp Parlamentari tal-PN se jiltaqa’ nhar it-Tnejn; Delia preżenti

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista se jiltaqa’ nhar it-Tnejn fil-preżenza tal-Kap tal-partit Adrian Delia.

Il-laqgħa li ssejħet mill-Whip tal-PN mistennija ssir nhar it-Tnejn fis-1.30 pm. Għadd ta’ MPs għamlu kuntatt ma’ Newsbook.com.mt u qalu li jinterpretaw din il-mossa bħala reazzjoni għal aritklu li ppubblika dan is-sit dwar dak li kien jidher bħala nuqqas ta’ rieda biex tissejjaħ laqgħa wara t-telfa elettorali kbira tal-PN fl-aħħar elezzjonijiet.

PN Mps fuming: no meetings called in the coming days

Dalgħodu, Newsbook.com.mt irrapporta li kemm il-grupp parlamentari tal-PN kif ukoll il-Kumitat Eżekuttiv tal-partit ma kienux infurmati b’laqgħat. Madwar għaxar Membri Parlamentari tal-PN li ġew ikkuntattjati dalgħodu lmentaw li la l-partit u lanqas il-grupp parlamentari ma kien infurmat b’xi laqgħa fil-jiem li ġejjin.

Dawk li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li fil-long-weekend li ġej, in-nies kienu qed jippjanaw il-ħin tagħhom mal-familja u kienu japprezzaw li jkunu infurmati jekk se jkun hemm xi laqgħa skedata.

L-istatut tal-PN jgħid li l-Grupp Parlamentari jista’ jiltaqa’ jekk tissejjaħ laqgħa mill-kap tal-partit jew minn membru tal-grupp sakemm terz tal-grupp ikun favur din il-proposta.