Il-PN jinsisti għar-riżenja tal-PM u Ministri

Ifaħħru l-ħidma ta' Simon Busuttil

Read in English.

L-Eżekuttiv u l-Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista qed jinsistu għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ta’ Ministri u uffiċjali oħra tal-Gvern. Barra minn hekk irringrazzjaw lill-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li sal-lum ħadem bla heda biex jikxef ix-xibka ta’ qerq u korruzzjoni.

Fi sttqarrija, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha inkluda r-riżoluzzjoni tal-Amministrattiv u l-Eżekuttiv wara laqgħa straordinarja li tlaqqgħet b’urġenza llum fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Dan sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi fl-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Il-pożizzjoni tal-PM m’għadhiex tenibbli”

Iż-żewġ kumitati tal-PN isostnu li d-difiża kostanti mill-Prim Ministru ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u issa Chris Cardona, sa minn meta Caruana Galizia żvelat li dawn fetħu kumpaniji finanzjarji sigrieti fil-Panama fl-2013, u d-deċiżjoni tiegħu li jżommhom madwaru f’Kastilja, tirrendi l-pożizzjoni tal-Prim Ministru mhix tenibbli, speċjalment fejn tidħol id-deċiżjoni jekk, lil min, meta u kif għandha tingħata xi maħfra presidenzjali.

“Simon Busuttil ħadem bla heda biex jikxef ix-xibka ta’ qerq u korruzzjoni”

Irringrazzjaw lill-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista mill-2013 sal-lum u t-tmexxija tal-eks Kap Simon Busuttil “li sal-lum ħadem bla heda biex jikxef ix-xibka ta’ qerq u korruzzjoni f’każijiet bħalma huma l-kuntratt tal-Electrogas u l-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama u 17 Black”.

Innutaw li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Ministru ewlieni tal-Gvern Chris Cardona ġie msejjaħ mill-Pulizija u mistoqsi direttament x’jaf fuq dan l-assassinju.

Qalu li jitħassbu li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed ikun l-uniku protagonist li assuma r-responsabbiltà ta’ direzzjoni u komunikazzjoni mal-pubbliku dwar dak li qed iseħħ f’dan il-każ “meta fl-ogħla uffiċċji tal-Gvern hemm il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri li huma żewġ persuni b’relazzjoni kummerċjali illegali ma’ Yorgen Fenech. Żiedu jgħidu li Fenech hu wieħed minn dawk li talbu l-proklama biex jagħtu informazzjoni dwar l-assassinju.

Semmew il-ħsara bla qies li dan qed jagħmel fuq l-istatura internazzjonali ta’ Malta, b’impatt negattiv fuq l-ekonomija.

Il-Kunsill Amministrattiv u l-Kumitat Eżekuttiv jirrisolvu li jappoġġjaw it-talba tal-Grupp Parlamentari li l-Parlament għandu jiltaqa’ immedjatament u jieħu pożizzjoni li tissalvagwarda l-interess nazzjonali.

Fi tweġiba, il-Gvern qal li se jkun qed ilaqqa’ sessjoni parlamentari apposta fiż-żmien opportun, ladarba jsiru l-konklużjonijiet fl-investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija.

M’hemmx qbil biex il-Parlament jitlaqqa’ b’urġenza
M’hemmx qbil biex il-Parlament jitlaqqa’ b’urġenza

Għal din ir-raġuni, l-Ispeaker Anġlu Farrugia informa lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li ma kienx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra biex jitlaqqa’ l-Parlament fis-sigħat li ġejjin, biex jiġu diskussi l-iżviluppi fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra li bagħat lil Adrian Delia qal li ħa l-kunsiderazzjonijiet kollha, fosthom id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru fis-seduta ta’ nhar l-Erbgħa 20 ta’ Novembru, fejn assigura lill-istess Kamra li l-Gvern kien se jagħmel stqarrija, u li anke kien lest li jalloka seduta sħiħa dwar il-każ.