“Il-Grupp Parlamentari tal-PN irid ixammar il-kmiem minn issa” – Delia

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-laqgħa li jmiss tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se ssir aktar tard dan ix-xahar u li huwa normali li din il-laqgħa tinqabeż f’Awwissu.

Fil-programm Newsline fuq RTK, Adrian Delia saħaq li madankollu l-membri tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għandhom ixammru l-kmiem u jmorru għand in-nies “minn issa” u mhux fl-aħħar ġimgħa qabel l-elezzjoni.

Għalfejn ilu ma jitlaqqa’ il-Grupp Parlamentari?

Dwar il-frekwenza tal-laqgħat tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, Delia qal li dawn isiru darba fix-xahar jew anke aktar spiss, jekk ikun hemm materji straordinarji li jridu jiġu diskussi. Fakkar kif il-Parlament aġġorna fil-bidu ta’ Lulju li għadda għall-vaganzi tas-sajf.

Adrian Delia ammetta li hemm proċess twil biex jinbidlu s-sistemi interni tal-PN iżda saħaq li madwaru ma jridx “yes men”, iżda nies li ma jaqblux miegħu u lesti jipperswaduh għax hu mhux se jwebbes rasu. Argumenta li l-PN mhuwiex partit totalitarju għax inkella qal li qiegħed imexxi lill-partit il-ħażin.

Qabbel il-proċess ta’ tiġdid fil-PN ma’ dak li għadda minnu l-Partit Laburista wara 25 sena fl-Oppożizzjoni, fejn qal li l-PL kien għażel it-triq tal-marketing. Għall-kuntrarju, Adrian Delia sostna li l-PN qed jagħżel it-triq tal-mertu, tad-dibatittu u tas-sustanza.

Meta mistoqsi dwar l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li kollha juru li l-PN mhux sejjer tajjeb, Adrian Delia wieġeb li ma jistax jinjora xi ħaġa xjentifika. Madankollu qal li dan huwa wkoll proċess naturali wara li fi kliemu, fl-aħħar elezzjonijiet in-nies mhux biss tkellmu, iżda werżqu biex il-PN jinbidel.

AQRA: “Malta ċentru ta’ salvataġġ għall-immigranti” – Delia

Sena mill-elezzjoni ta’ Kap tal-PN

Kompla jgħid li kien propju għalhekk li ħafna kunsilliera ivvutaw għalih bħala Kap minkejja li ma kienux jafuh, għax riedu jagħżlu lil xi ħadd ġdid.

Tkellem dwar “il-bidliet radikali jew ta’ mentalità” li qal ma jseħħux f’sena u ammetta li ll-PN għadu ma weriex li huwa b’saħħtu biżżejjed internament biex ikun fdat bil-Gvern.

Meta ħares lura lejn il-kisbiet tal-PN fil-Gvern mill-1987 ‘il quddiem, qal li dawn biddlu pajjiż u lestewh għas-seklu l-ġdid, iżda lejn l-aħħar twieldet l-arroganza li dejqet lin-nies.

Qal li kien f’dan l-isfond li ikkontesta għall-Kap tal-PN għax ried ibiddel il-mod kif jagħmel il-politika u kif jinżel għand in-nies.

Bil-mod il-ġdid tiegħu ta’ politika, Adrian Delia qal li l-PN irid isarraf il-prinċipji b’mod iktar sempliċi u minn perspettiva ta’ xi ħadd li ġej minn barra tax-xena politika.

Tista’ ssegwi l-programm sħiħ hawnhekk.