“Il-Grupp Laburista se jibqa’ magħqud fil-vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu konvint li wara li l-Gvern rebaħ il-vot ta’ sfiduċja, il-Grupp Laburista fil-Parlament se jibqa’ magħqud anke jekk tkun preżentata mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi.
Nhar it-Tnejn li għadda l-Membru Parlamentari Indipendenti Marlene Farrugia qalet li se tressaq vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista qal li se jappoġġjaha.
Mistoqsi jekk il-Membri Parlamentari hux se jkollhom il-vot ħieles, il-Prim Ministru qal li l-vot ħieles jingħata lill-Membri Parlamentari f’każijiet li jolqtu lill-kuxjenza.
Reazzjoni Partit Nazzjonalista:
F’reazzjoni l-PN qal li minkejja li għaddew aktar minn 48 siegħa minn meta ġiet ippreżentata mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru u Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi, Joseph Muscat għadu qed ikaxkar saqajh biex jaqbel fuq data meta se jsir id-dibattitu u jittieħed il-vot.
Qal li l-Oppożizzjoni qed titlob li l-Gvern jiffissa data għal dan id-dibattitu u vot ta' sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi mingħajr aktar dewmien.
Temm jgħid li kif ħabbar il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil nhar it-Tnejn li għadda, l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur il-mozzjoni ta' sfiduċja f'Konrad Mizzi.