Il-Grupp Gasan iħabbar li qed jaħdem biex joħroġ mill-ftehim tal-ElectroGas

Read in English.

Il-Grupp Gasan ħabbar li qed jaħdem biex joħroġ mill-investiment li għandu fil-proġett tal-ElectroGas u mingħajr profitti mill-investiment.

Permezz ta’ dikjarazzjoni llum, il-kumpanija qalet li hi għandha biss interess indirett ta’ madwar 12% mill-ElectroGas. Sostniet li l-ebda rappreżentant mill-Grupp ma kien maħtur direttur fuq il-bord tal-ElectroGas. Joseph Gasan u Mark Gasan f’isem il-grupp, qalu li dan huwa proġett  b’konċessjoni pubblika u insista li hemm kemm bżonn kif ukoll hemm xewqa li jkun hemm skutinju kbir fuqha.

“Tajna  l-appoġġ kollu biex l-ElectroGas tikkummissjona l-investigazzjonijiet meħtieġa li jikkonċernaw l-aspetti kollha tal-proġett u biex jinstab jekk l-allegazzjonijiet li kienu qed isiru kinux veritieri. Nifhmu li dan huwa proġett tekniku u kumpless ħafna biex wieħed jispjegah. Aħna se nkompli ninkoraġġixxu lill-ElectroGas biex twieġeb u tirrelata mal-pubbliku dwar kull allegazzjoni li qed issir,” insista l-Grupp Gasan.

Il-Grupp kompla jgħid li ma rċieva l-ebda imgħaxxijiet mill-investiment u għamel biss telf mir-relazzjoni li għandu fl-investiment tal-ElectroGas. Sostna li min jgħid bil-maqlub ikun qed jigdeb.

“Jekk hawn allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fir-rigward tal-proġett, ma kellna xejn x’naqsmu: aħna ma pparteċipajnhiex fih, ma appoġġjanihx, ma skużajnihx u ma konnhiex nafu dwaru. U jekk verament ġara, nikkundannawh mingħajr riżerva u nafdaw li ssir ġustizzja,” insista l-Grupp.

Temm jgħid li jinsabb ixxukkjat li kien hemm saħansitra min qed jagħmel konnessjonijiet bejn il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-proġett.