Il-Grupp Farsons jirreġistra mill-ġdid riżultati u profitti b’saħħithom

Simonds Farsons Cisk plc irreġistrat sena oħra ta’ tkabbir konsistenti u profitabbli. Filwaqt li l-bejgħ totali għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2015 żdied ftit biex qabeż id-€79 miljun, il-Grupp għamel żieda sostanzjali fil-profitt tiegħu, meta mqabbel mar-riżultati miksuba s-sena ta’ qabel. Il-profitt mill-operat qabel it-taxxa żdied b’20% għal €8.2 miljun.
Ir-riżultati li ġew irreġistrati din is-sena ġew miksuba bis-saħħa ta’ aktar tkabbir fl-ekonomija lokali, permezz ta’ sena rekord fl-ammont ta’ turisti u fin-nefqa tagħhom f’pajjiżna, bir-riżultati inkoraġġanti li kisbu l-prodotti ewlenin tal-Grupp, u bis-saħħa ta’ diversi fatturi oħra, fosthom titjib fl-effiċjenzi, produttività u t-tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-materja prima.
Minbarra t-tisħiħ tal-Grupp fl-industrija, ir-riżultati miksuba matul din is-sena kienu tajbin ħafna speċjalment meta tqis is-sensiela ta’ deċiżjonijiet importanti u sinifikanti li ħa l-Bord. L-aġġustament nett ’l isfel ta’ €5.2 miljun fil-valuri tal-propjetà kien rifless fl-istess riżultati, wara reviżjoni tal-ħsieb u t-tisħiħ tal-pjanijiet tal-iżvilupp tal-Farsons Business Park.
Il-Kumpanija rrevediet ukoll kemm se tuża fil-futur it-taxxa tal-assi diferita, fid-dawl tal-iskemi ta’ kreditu aktar restrittivi għat-taxxa tal-investiment, li daħlu fis-seħħ għall-impriżi l-kbar minn Lulju 2014. Din wasslet għall-għarfien ta’ €5.3 miljuni fi krediti ta’ taxxa diferita fuq l-għajnuna għall-investiment.
Iċ-Chairman tal-Grupp, Louis A. Farrugia qal li “il-Bord hu sodisfatt ħafna b’dawn ir-riżultati tal-Grupp u se nkomplu għaddejjin b’investimenti sinifikanti u niżguraw li nibqgħu nipproduċu prodotti ta’ klassi dinjija bl-aktar mod effiċjenti u effettiv. Nixtiequ nbigħu aktar mill-prodotti tagħna fis-swieq internazzjonali u dawn ir-riżultati għandhom jgħinuna f’din l-isfida.”
Il-faċilità l-ġdida għall-ippakkjar tal-birra – proġett ta’ €27 miljun – li se tieħu post il-faċilitajiet eżistenti kollha tal-produzzjoni tax-xarbiet tagħna fil-fliexken tal-ħġieġ u l-bottijiet, se titlesta sa April 2016. Din il-faċilità l-ġdida se tagħti lill-kumpanija għażla oħra li tipproduċi fliexken għas-swieq tal-esportazzjoni bis-sistema ‘one way’.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt