Il-grupp Drachma fi djalogu mal-kappillani

Omm ta’ żagħżugħ omosesswali kellha kliem ta’ tifħir wara l-esperjenza tagħha meta ġiet mistiedna tindirizza l-kappillani ta' Malta u Għawdex waqt il-live-in annwali li kellhom f'Jannar.

L-omm, Joseanne Peregin, kitbet ir-riflessjonijiet tagħha fis-sit tal-grupp tal-ġenituri ta’ Drachma, l-għaqda li tippromwovi l-integrazzjoni spiritwali ta’ persuni LGBT li jħossuhom fil-periferija minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità sesswali tagħhom.
L-omm irrakkuntat kif l-istess tema tal-live-in tal-kappillani kienet tirrifletti l-attenzjoni li l-Knisja qed tagħti lil min iħossu emarġinat.
Qalet li anke l-ħin li ngħatat, ta’ siegħa, biex hi tispjega dak li qed tistenna mill-Knisja, u l-fatt li l-Arċisqof Charles Scicluna kien hemm biex jisma’ u ma staqsihiex x’kienu l-karti li kienet qed tqassam, ġagħluha tħoss li l-Knisja kienet qed ittiha il-libertà u l-fiduċja u ħassitha apprezzata.
Fuq kollox, spjegat l-omm, ħassitha grata għas-snin ta’ esperjenza li issa kienu qed jagħtu l-frott, li mara lajka u għexieren ta’ saċerdoti kienu qed ifittxu l-istess skop – li jkunu awtentiċi fir-rwoli tagħhom u jkunu xhieda tal-imħabba mimlija ħniena t’Alla.
L-omm stqarret li l-mistoqsijiet li sarulha u l-konverżazzjonijiet li kellha wara l-preżentazzjoni tagħha urewha sensittività mill-Knisja lejn dan is-settur u rieda li anke Drachma tagħti preżentazzjonijiet simili fil-parroċċi biex jissaħħu r-rabtiet fi ħdan il-familji. 
Ritratt: Arkivji