Il-Grupp DB mhux beħsiebu jwaqqa’ l-libelli kontra Daphne Caruana Galizia

Il-libelli kollha li Silvio Debono minn DB Group fetaħ f’Marzu li għadda kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mistennija jkomplu f’Diċembru li ġej.
B’kollox, Silvio Debono kien fetaħ 19-il libell.
F’Marzu li għadda, il-ġurnalista assassinata kienet ippubblikat għadd ta’ artikli dwar DB Group, li fihom qalet li l-kumpanija kienet ingħatat bi ftit flus art pubblika għall-iżvilupp f’San Ġiljan. Fuq din l-art sal-lum hemm l-Istitut tal-Istudji Turistiċi.
Dak iż-żmien kienet ukoll kritika ħafna tal-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco li l-kumpanija legali tiegħu kienet involuta f’dan il-ftehim.
Dalgħodu, l-avukati ta’ Debono u Caruana Galizia dehru quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale.
L-avukat tal-familja Caruana Galizia talab li l-libelli jinstemgħu darb’oħra biex ikun jista’ jaġġorna ruħu dwar kif se jimxi, ġaladarba Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata bħal-lum ħmistax.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat William Cuschieri informa lill-Qorti li hu jista’ jippreżenta affidavits dwar l-akkużi.
La Silvio Schembri u lanqas qraba ta’ Caruana Galizia ma kienu preżenti fil-Qorti.