Il-Grupp db jakkuża lil Kunsilli Lokali u NGOs li qed jaħbu l-verità

Read in English.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp db, Arthur Gauci, fi stqarrija l-Ħamis filgħodu akkuża lit-tliet kunsilli lokali u l-10 NGOs, li qed jaħbu mir-residenti l-verità dwar il-bidliet li l-Grupp qed jipproponi għall-proġett f’Pembroke. L-iżvilupp fuq l-eks sit tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar

Fl-istqarrija, Gauci ddeskriva bħala gidba l-ħames punti li ssemmew mill-kunsilli lokali u mill-NGOs. Stqarr li l-Grupp db għamel it-tibdiliet wara li sema’ t-tħassib “ġenwin” u li issa “l-unika theddida għal dawn ir-residenti mhuwiex il-proġett imma dawk li jridu jaħbu l-verità minnhom”.

L-istqarrija tal-Grupp db ħarġet bħala reazzjoni għal dak li qalu lbieraħ il-kunsilli lokali ta’ Pembroke, tas-Swieqi u ta’ San Ġiljan flimkien ma’ 10 NGOs li jvarjaw minn Din l-Art Ħelwa sal-Graffitti. Dawn il-gruppi kkritikaw bidliet li ppropona l-Grupp db. Filwaqt li rrikonoxxew xi tibdiliet li saru, saħqu li dawn ma kinux biżżejjed. Għal dawn l-organizzazzjonijiet, il-proġett huwa “mostruż u jagħmel il-ħsara”.

Mhux veru, jgħid il-Grupp db

Filwaqt li l-kunsilli lokali u l-NGOs jaħsbu li t-tnaqqis fid-daqs tat-torri huwa “minimu”, il-Grupp db jikkunsidra dan bħala mhux minnu u jżid li t-torri issa huwa 7 sulari inqas jew 18% iżgħar mill-pjanti oriġinali. Il-grupp qal li l-proġett propost issa “huwa 19,000 metru kwadru inqas minn dak permissibbli fil-Pjan Lokali” u li dan tnaqqas b’50,000 metru kwadru”.

Il-Grupp db ċaħad dak li qalu t-tliet kunsilli lokali u l-10 NGOs li l-proġett “se jitfa’ f’dell permanenti lir-residenti li joqogħdu n-naħa l-oħra tat-triq”.

Skont il-Grupp db, il-massimu ta’ dell li se jiżdied bil-proġett ivarja minn 90 minuta f’xi ġimgħat f’Diċembru għal 30 minuta f’ġurnata tipika f’Ġunju, u li dan se jaffettwa “xi residenzi” biss.

“Paceville mhux se jibqa’ jinvadi Pembroke u s-Swieqi”

Għall-Grupp db, mhux veru dak li qalu l-kunsilli lokali u l-NGOs li issa “Paceville se jibqa’ jinvadi Pembroke u s-Swieqi”. Saħaq li se jiġri l-kuntrarju hekk kif il-proġett se jkun qisu ostaklu “li effettivament twaqqaf il-moviment ta’ Paceville milli jiġi estiż għal Pembroke”.

Il-Grupp db stqarr li l-proġett mhux se jkun ta’ theddida għas-siti ta’ Natura 2000 u enfasizza li dan hu appoġġjat minn diversi studji. Il-Grupp jgħid li l-proġett rivedut lanqas mhu se jkun ta’ theddida għall-Għar Ħarq Ħamiem. Fisser li 0.5% biss tal-iżvilupp se jgħatti l-għar li se jkun 24 metru taħt l-art.

Il-Grupp db akkuża lill-kunsilli lokali u lill-NGOs talli ħbew diversi aspetti mir-residenti. Il-Grupp qal li z-zoni pubbliċi żdiedu b’iktar minn 40% u li ħallas €1.5 miljun ħalli l-komunità ta’ Pembroke u oħrajn fil-viċinanzi jibbenefikaw mill-proġett. Żied jgħid li l-mina ta’ Paceville, iffinanzjata mill-Gvern, se tkun qed ittaffi t-traffiku fiz-zona u għaldaqstant jibbenefikaw ir-residenti u n-negozji kollha. Il-Grupp jinnota li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke hu favur din il-mina.