Il-Grupp Corinthia jaqbeż għall-iżvilupp tal-Bajja San Ġorġ

Alfred Pisani, iċ-Chairman tal-International Hotel Investments, li l-Grupp Corinthia huwa parti minnha, qabeż għall-iżvilupp tal-art tal-Bajja San Ġorġ għaliex qal li dan l-iżvilupp se jattira lil numru ta’ turisti, u għalhekk, itejjeb l-ekonomija Maltija.

Fi stqarrija, Pisani tkellem ukoll dwar il-valutazzjoni tal-art, għaliex qal li l-kumpanija diġà għandha drittijiet esklussivi fuqha.

Pisani qal li l-iżvilupp ta’ din l-art se jkun trasparenti, għax il-kumpanija għandha tippubblika rapporti regolari li jinkludu dan il-proġett. Huwa kompla jgħid li ladarba ssir l-approvazzjoni mill-Parlament, jiġu ffirmati l-kuntratti u joħorġu l-permessi, il-Corinthia tibda bl-ewwel fażi tal-proġett, il-bini ta’ lukanda u 2 blokok residenzjali bi 15-il sular.

Dan wara li l-Partit Demokratiku tkellem kontra deċiżjoni parlamentari li tippermetti tibdil fl-użu taż-żona għal-lukandi ta’ ħdejn il-bajja ta’ San Ġorġ għal waħda li tinkludi anke bini residenzjali. Skont il-kandidat tal-PD għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Anthony Buttigieg, il-bajja ta’ San Ġorġ saret ir-renju tan-negozji l-kbar.