Il-Grufflè jgħallem lit-tfal waqt il-pandemija tal-coronavirus

Il-Grufflè hu karattru maħbub mit-tfal madwar id-dinja. Issa dawk li jfasslu l-kotba tal-Grufflè qed jużaw dan il-karattru biex jgħallmuhom kif iġibu rwieħhom f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija tal-coronavirus billi fost oħrajn jipprattikaw id-distanza soċjali biex jgħinuhom  jifhmu r-regolamenti. Minbarra d-distanza soċjali, il-karattri jenfasizzaw l-importanza li jeżerċitaw u jagħmlu sejħiet bil-vidjow lill-membri tal-familja tagħhom.

L-awtriċi Julia Donaldson u l-illustratur Axel Scheffler ħolqu stampi biex b’modi sempliċi jxerrdu dan il-messaġġ tant importanti fil-ħajja tal-lum. Huma jinkludu lil Grufflè, lil Stickman u lill-iSmeds u lill-iSmoos  billi kollha jżommu distanza sigura minn xulxin.

Il-karattri qed jidhru wkoll jgħinu lill-vulnerabbli max-xiri tagħhom.

Il-kotba għat-tfal tal-Grufflè kienu ppubblikati għall-ewwel darba fl-1999. Il-kotba jirrakkuntaw l-istorja ta’ ġurdien li jmur mixja fil-boskijiet  fejn jinbidel u jispiċċa bi snien terribbli u felul fuq imnieħru.

Inbiegħu aktar minn 13-il miljun kopja b’dan il-karattru  u l-film animat tiegħu kien anki nominat għal Oscar fl-2011. Is-sena ta’ qabel kien rebaħ Bafta Award. Is-sena l-oħra fl-Ingilterra kienet ħarġet munita tal-fidda tal-Grufflè li turi l-popolarità ta’ dan il-karattru.

Il-kotba nħarġu wkoll bil-Malti minn Faraxa Publishing.

Donaldson tittama li l-istampi jenfasizzaw l-aħjar prattiki u jgħinu fit-tagħlim fid-dar mingħajr ma jitqiesu bħala jippridkaw.

Waqt li jkun illokkjat, l-awtur qed jipproduċi wkoll xandira ta’ kull ġimgħa fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ The Gruffalo, jaqra stejjer, poeżiji u kanzunetti li jkantaw.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn