Aġġornata: Il-GRTU titlob investigazzjoni dwar it-tender f’San Vinċenz; Il-Gvern jiċħad tibdil

L-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem f’Malta (MEA), il-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU kollha wrew it-tħassib tagħhom dwar l-aħbar li d-Dipartiment tal-Kuntratti biddel il-proċess tat-tenders “illegalment” biex issa jkun meħtieġ ċertifikat ta’ approvazzjoni qabel ma dak magħżul jiffirma l-kuntratt. Huma qegħdin jikkritikaw din il-bidla bħala nuqqas ta’ governanza tajba, u l-GRTU sejħet għal investigazzjoni fuq it-tender tat-tindif f’San Vinċenz De Paul.

X’qalet l-MEA

L-MEA qalet illi b’dan il-mod, qed ikun hemm diskriminazzjoni kontra kompetizzjoni ġusta, u li mossa bħal din tqajjem suspett li jkunu qegħdin isiru l-preferenzi ma’ xi nies. L-Assoċjazzjoni insistiet li dawn iċ-ċertifikati huma bżonjużi biex jassiguraw li t-taxxa tan-nies qed tmur għand nies li m’għandhomx l-arretrati tat-taxxa. L-MEA appellat lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jirtira din ir-reviżjoni sabiex il-klawżola terġa’ tiġi applikata.

X’qalet il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li dawn l-inkonsistenzi mhumiex aċċettabbli. Hija ġibdet l-attenzjoni wkoll li li kieku ma kienx hemm appell għal dan il-proċess, l-inkonsistenzi kienu jibqgħu għaddejjin bla ma jinduna ħadd. Żiedet tgħid li t-tenders m’għandhomx jingħataw lil xi ħadd li jkun kiser il-liġi.

X’qalet il-GRTU

Min-naħa tagħha, il-GRTU sostniet li każijiet bħal dan għandhom jiġu investigati sabiex jinstab is-sors tal-problema b’mod trasparenti, u biex il-kwistjoni tiġi riżolta u jittieħdu azzjonijiet minn kull persuna involuta.

X’qal il-Gvern

Il-Gvern bagħat stqarrija li fiha qal li artikli fil-midja lokali bit-titli ‘Crucial tax clause removed from cleaning tender’ u ‘Clearance certificates from government no longer compulsory on submission of bids’ huma fattwalment żbaljati, peress li qatt ma kien hemm “klawżola tat-taxxa kruċjali”, u għax it-talba għaċ-ċertifikati kienet u għadha parti mill-proċess.

Skont il-Ministeru għall-Finanzi, l-intervent tad-Dipartiment tal-Kuntratti kien biex jaċċerta li jkun hemm l-inqas prattiċi burokratiċi possibbli għal dawk li jissottomettu tender, partikolarment biex jevitaw li jieħu t-tender min ma jkunx konformi mal-kontribuzzjonijiet tat-taxxa u tal-bolla.

Qabel…

Fi Frar, fil-Parlament kien ħareġ li d-direct orders li ngħataw mir-residenza San Vinċenz lill-kumpanija X Clean ittripplaw mill-2015 sal-2018.

Aqra aktar:

€9.5 miljun f’direct orders għat-tindif ta’ San Vinċenz

“Id-direct orders f’San Vinċenz, kontra governanza tajba” – Delia