Surplus Gvern: il-GRTU tfaħħru, l-MEA xettika

Il-President tal-Kamra Maltija għan-negozji Żgħar u Medji, il-GRTU, Paul Abela, saħaq li l-mudell pro-business li addotta l-Gvern witta t-triq għas-suċċess ekonomiku attwali.
Fost l-oħrajn, huwa semma proposti tal-GRTU li kienu implimentati mill-Gvern, fosthom dik tad-Development Bank, il-bdil fil-ħinijiet tal-ftuħ u l-għeluq tal-ħwienet, kif ukoll il-one stop shops biex ikunu megħjuna n-negozji.
Dan intqal f’laqgħa li kellha l-GRTU mal-Ministru tal-Ekonomija, Chris Cardona, u rappreżentanti oħra mill-Partit Laburista (PL).
Sadanittant, l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA, irrimarkat li s-surplus reġistrat mill-Gvern wara aktar minn 35 sena ta’ defiċit, jista’ jkun żvilupp sabiħ jekk ikun sostnut b’mod effikaċi.
L-MEA qalet fi stqarrija separata li tilqa’ dan ir-riżultat, kif ukoll fakkret li kienet hi li qabel l-elezzjoni tal-2013 tkellmet maż-żewġ partiti sabiex ipoġġu fiċ-ċentru tal-politika ekonomika tagħhom il-konsolidazzjoni fiskali.
Uriet it-tħassib tagħha għall-fatt li das-surplus ġie minn tnaqqis fl-ispiża tal-Gvern fi żmien meta l-infiq tal-Gvern kien qed jiżdied annwalment b’7%. Hu għalhekk li għandha d-dubju tagħha dwar iż-żieda sostanzjali fl-impjiegi f’setturi pubbliċi, f’sitwazzjoni fejn għandek ir-rata ta’ impjieg kważi 100%.
Finalment, tat parir lill-gvernijiet sabiex isostnu s-surplus b’governanza tajba tal-fondi pubbliċi u bi tkabbir ekonomiku ġġenerat mis-settur privat, li minnu nnifsu jiġġenera domanda akbar għal setturi fornuti mis-settur pubbliku.
Min-naħa tiegħu, il-PL qal li s-surplus kien riżultat tal-attitudni pro-business tal-Gvern.
Fir-ritratt: il-GRTU (xellug) f'laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija u rappreżentanti tal-PL (lemin).