​Il-GRTU tara valur fl-impjieg ta’ persuni b’diżabilità

Il-GRTU qalet li qed tappoġġja s-sejħiet u l-appelli li qed isiru biex ikun hemm integrazzjoni akbar ta’ persuni b’diżabilità fis-settur privat.
Qalet li l-għadd ta’ persuni b’diżabilità li huma impjegati mis-settur privat kompla jiżdied, tant li fl-aħħar sena kien hemm 350 persuna.
Sostniet li s-settur privat qed jimpjega lil dawn il-persuni mhux għax huma obbligati bil-liġi, iżda għax tara valur fihom.
Il-GRTU saħqet li din it-tema qatt ma għandha tkun eżerċizzju ta’ persentaġġi jew statistika.
Fl-istess waqt semmiet kif it-twettieq tal-leġislazzjoni seta’ sar aħjar, b’konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali.
Żiedet tgħid li ċerti miżuri li ddaħħlu jistgħu jaħdmu bil-kontra jew inkella jistgħu jiġu interpretati ħażin mill-intrapriżi.