Il-GRTU sodisfatta bil-ftehim mal-Libja dwar iż-żejt u l-gass

Il-Kamra Maltija tal-Intrapriżi Żgħar u Medji tesprimi is-sodisfazzjon tan-negozji Maltin msieħba magħha dwar il-ftehim bejn Malta u l-Libja dwar il-fornitura ta' żejt u gass lil Malta, it-tħaffir għaż-żejt fl-ibħra Maltin u għall-iżvilupp tal-potenzjal ta' Malta bħala ċentru u ħolqa importanti għat-twassil tal-gass Libjan għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Il-GRTU tenfasizza li huwa essenzjali li kull min hu f'pożizzjoni li jgħin biex dan il-ftehim jirnexxi, jagħti s-sehem sħiħ tiegħu biex jiġi żviluppat u jitħaddem tajjeb u fl-iqsar żmien għall-benefiċċju ta' Malta u l-Libja.

Id-Direttur Ġenerali tal-GRTU, Vince Farrugia, wiegħed is-support sħiħ tal-unjin biex ikun assigurat li l-membri mis-setturi tal-ħażna u d-distribuzzjoni u bejgħ ta' gass u fuels jagħtu s-sehem sħiħ u  jkunu lesti biex jinvestu biex Malta u l-imprendituri Maltin jieħdu l-vantaġġ sħiħ mil-opportunitajiet li dan il ftehiem jiftaħ għall-investituri privati  Maltin u Libjani.

Wiegħed ukoll l-appoġġ sħiħ tiegħu bħala rappreżentant tal-intrapriżi Maltin fil-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew fi Brussell dwar il-potenzjal kbir li Malta jista' jkollha jekk jirnexxi l-proġett kbir li permezz tiegħu Malta sservi bħala ħolqa u hub importanti għat-twassil tal-prodotti enerġetici Libjani għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.