Il-GRTU kontra t-tneħħija tal-ismart card

Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji qalet li tinsab diżappuntata bl-aħbar dwar it-tneħħija tal-iskema tal-ismart card tal-istudenti.
Fi stqarrija, il-GRTU qalet li minkejja li t-tħassib tal-Ministeru tal-Edukazzjoni huwa leġittimu, ma taqbilx li din kellha titneħħa kompletament.
Il-GRTU, li tirrappreżenta lin-negozji li kienu fi sħab f’din l-iskema, qalet li diġà kienet esprimiet it-tħassib tagħha dwar din is-sistema fil-pubbliku. Żiedet tgħid li qatt ma ġiet ikkonsultata bit-tneħħija tal-iskema.
Saħqet li s-sistema l-ġdida kif ikkomunikata nhar is-Sibt li għadda, se żżid il-possibiltà ta’ abbuż u l-istudenti se jkollhom aktar ċans li ma jinvestux il-flus f’oġġetti li jgħinuhom fl-edukazzjoni tagħhom.
Qalet li bis-sistema l-ġdida ħadd mhu se jkun jaf fuq xiex intefqu l-flus li  jiġu mgħoddija lill-istudenti.
Il-GRTU qed titlob laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex tiddiskuti s-sitwazzjoni. Temmen li għandhom jinstabu soluzzjonijiet alternattivi u b’konsultazzjoni tiġi introdotta sistema effettiva.
Nhar is-Sibt li għadda, il-Gvern ħabbar li mis-sena akkademika li ġejja, l-istudenti se jibdew jirċievu l-flus direttament fil-kont bankarju tagħhom.