Il-GRTU favur kameras fil-Marsa minħabba “attività suspettuża”

Il-Viċi President tal-GRTU (il-Kamra Maltija għan-Negozji Żgħar u Medji) Philip Fenech qal li jaqbel ma’ kameras b’teknoloġija li tagħraf il-wiċċ tan-nies fil-Marsa minħabba ammont ta’ “attività suspettuża” fil-lokalità.

Fenech qal dan ma’ Newsbook.com.mt meta kien mistoqsi għalfejn il-GRTU hija favur kameras b’facial recognition f’post bħall-Marsa fejn ma tantx hemm negozji li huma membri tal-GRTU.

Ix-xahar li għadda, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li Paceville u l-Marsa qed jiġu kkunsidrati bħala postijiet għal proġett pilota ta’ CCTV b’tekonoloġija li tagħraf wiċċ dak li jkun. L-implikazzjonijiet fuq il-privatezza tan-nies ġibdu wkoll l-attenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda (UN), imma l-pubbliku kien assigurat li l-proġett isir biss jekk jingħata l-approvazzjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni.

Fenech qal li l-istabbilimenti m’għandhu jkollhom xejn x’jaħbu u li jkun aħjar għas-sigurtà tal-impjegati tagħhom. Huwa jikkonsidra l-facial recognition bħala dettal żgħir fi stampa akbar b’rabta mal-proposta ta’ kameras tas-CCTV f’Paceville u fil-Marsa li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-ġid komuni.

Tista’ taqra rapport dettaljat minn hawn.