Il-Griegi se jiddeċiedu f’referendum dwar il-futur ekonomiku ta’ pajjiżhom

Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras sejjaħ referendum dwar il-pjan ta’ bailout li qed jintalab minn kredituri barranin.
Waqt messaġġ televiżiv, Tsipras iddeskriva l-pjan tal-bailout għall-Greċja bħala wieħed ta’ “umiljazzjoni u li jikkundanna l-miżuri ta’ awsterità li qed tintalab tagħmel il-Greċja”. Qal li dan ir-referendum se jsir fil-5 ta’ Lulju li ġej.
Iktar kmieni, il-Gvern Grieg irrifjuta l-proposti intiżi biex il-pajjiż ma jispiċċax f’pożizzjoni li ma jkunx jista’ jħallas lura d-dejn tiegħu. Fl-aħħar tax-xahar, il-Greċja għandha tħallas €1.5 biljun lill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Alexis Tsipras qal li dawn il-proposti jmorru kontra l-prinċipji bażiċi tal-Unjoni Ewropea fosthom id-dritt għax-xogħol, ugwaljanza u dinjità. Sostna li l-poplu Grieg irid jivvota dwar il-futur tiegħu mingħajr ebda rikatt.