Il-Griegi jżommu s-swieq f’tensjoni

Il-Greċja għadha fl-aħbarijiet. Dan ma jawgura tajjeb xejn għas-swieq finanzjarji.
Kollox jindika li l-elezzjoni li saret fil-Greċja iktar kmieni din is-sena, waslet biex il-pajjiż mar lura flok ’il quddiem.
Kull xahar il-Greċja qed ikollha tħallas parti mid-djun kbar li għandha. Imma ta’ kull xahar qed tkun problema kbira biex jitħallsu dawn id-djun. Jidher li se tkun problema biex tħallas id-djun f’Ġunju.
Dan qed iwassal biex l-ishma f’diversi pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti jbatu. Waqt li pajjiżi Ewropej bħall-Irlanda u l-Portugall bdew jirkupraw sew mill-problemi finanzjarji kbar li kellhom, il-Greċja għadha fl-istess inkwiet.
Ryanair fis-smewwiet
Waqt li bosta linji tal-ajru raw nuqqas fil-valur tal-ishma tagħhom fl-aħħar xhur, minkejja li l-prezz taż-żejt baqa’ wieħed baxx, Ryanair kompliet tissaħħaħ xahar wara xahar. L-istrateġija tal-linja tal-ajru Irlandiża qed tħalli riżultati mixtieqa għal min investa fl-ishma tagħha. Fl-aħħar tlett snin, Ryanair rat il-valur tal-ishma tagħha jitripplaw fil-valur.
Is-saħħa ta’ Disney
Il-kumpanija internazzjonali Disney, magħrufa għal cartoons madwar id-dinja kollha, rat l-ishma tagħha iktar milli jirduppjaw fil-valur fl-aħħar sentejn. Mill-bidu ta’ din is-sena s’issa, l-ishma żdiedu b’20% fil-valur. Madankollu, il-kumpanija qed ikollha quddiemha sfidi kbar minħabba problemi mal-ħaddiema speċjalment fl-Istati Uniti. Il-film Frozen kien raġuni prinċipali għas-suċċess ta’ Disney fl-aħħar sentejn.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi dan l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment