Il-Griegi joħorġu bi ħġarhom biex jaqtgħu xagħarhom u jixtru l-fjuri

REUTERS/Alkis Konstantinidis

Read in English.

Fil-Greċja, il-ħwienet tax-xagħar, tal-fjuri u tal-kotba reġgħu fetħu l-bibien tagħhom nhar it-Tnejn, bħala parti minn tħaffif gradwali fir-restrizzjonijiet tal-lockdown imposti sitt ġimgħat ilu biex titwaqqaf il-firxa tal-coronavirus.

Minn kmieni filgħodu, il-pulizija wettqu spezzjonijiet fuq karozzi tal-linja u fl-istazzjonijiet tal-metro biex jiżguraw li l-passiġġieri kienu lebsin il-maskli mandatorji, kif ukoll fi ħwienet biex jaraw li l-miżuri ta’ distanza soċjali kienu qed jiġu osservati.

Il-Griegi m’għadx għandhom bżonn formola fejn jiddikjaraw raġuni valida – bħal xiri għal ikel jew mediċina, jew eżerċizzju fiżiku – biex jitħallew joħorġu minn djarhom.

Il-volum tat-traffiku żdied fit-toroq ta’ Ateni u fi bliet kbar oħra, filwaqt li barra minn ħwienet ta’ apparat domestiku kien hemm għadd ta’ kjus, hekk kif dawn tħallew jiftħu għall-ewwel darba minn meta miżuri aktar stretti ta’ distanza soċjali ġew imposti fil-pajjiż f’nofs ix-xahar ta’ Marzu.

Il-Greċja, pajjiż li għandu 11-il miljun persuna, s’issa rreġistra 2,626 każ ta’ COVID-19, il-marda respiratorja kkawżata mill-coronavirus, filwaqt li 144 persuna tilfu ħajjithom, numru ferm anqas minn diversi pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Il-Greċja, pajjiż li sal-2018 kien għadu qed jipprova joħroġ minn kriżi ta’ dejn li qerdet kwart mir-rendiment ekonomiku tiegħu, tinsab f’sitwazzjoni iddisprata biex terġa’ tiftaħ in-negozji tagħha, fost tħassib li l-pandemija globali se jkollha impatt negattiv ħafna fuq id-dħul mis-settur tat-turiżmu, pilastru fl-ekonomija tagħha.

Il-kanali tat-televiżjoni lokali urew lil persuni fil-ħwienet tax-xagħar, kollha lebsin maskli protettivi f’Ateni u fil-belt ta’ Thessaloniki fit-tramuntana tal-pajjiż. Il-ħwienet qed joperaw biss permezz ta’ appuntamenti.

Ħwienet żgħar tal-bejgħ bl-imnut, inkluż ħwienet tal-fjuri u tal-kotba, servizzi tan-nuċċalijiet u spas kienu fost dawk in-negozji li tħallew jiftħu nhar it-Tnejn.

Is-sigħat tal-ftuħ ta’ dawn il-ħwienet x’aktarx li jiġu estiżi minħabba l-ammont kbir ta’ domanda li hemm għal dawn is-servizzi.

L-iskejjel, ristoranti u barijiet huma mistennija li jerġgħu jiftħu aktar tard dan ix-xahar. Il-lukandi huma l-aħħar li se jitħallew jiftħu fl-1 ta’ Ġunju.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn