Il-Griegi jieħdu pariri mingħand Malta fi tfassil tal-liġi tal-identità tal-ġeneru

Fuq inizjattiva konġunta tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Gvern Malti, uffiċjali tal-Gvern Grieg bħalissa jinsabu Malta biex isir jafu aħjar dwar il-liġi tal-identità tal-ġeneru u l-mod kif dawn jistgħu ifasslu liġi simili għall-Greċja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li dan huwa pass pożittiv ħafna għal Malta fejn qed issir esportatur tal-liġijiet, b’diversi pajjiżi jitkellmu mal-Gvern Malti biex jagħmlu liġijiet simili fil-qasam LGBTIQ. Semmiet kif il-Ministeru diġa ffirma Memorandum of Understanding mal-Belġju kif ukoll sar xogħol mill-viċin ma’ Franza dwar din l-istess liġi.
Helena Dalli semmiet kif preżentament, il-Gvern għaddej b’ħidma fuq il-liġi dwar l-ugwaljanza li se tinkludi t-twaqqif tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Ir-rappreżentanti tal-Gvern Grieg tkellmu b’mod pożittiv dwar il-mod kif inhi mfassla l-liġi tal-identità tal-ġeneru ta’ Malta li tagħmilha l-aqwa waħda fl-Ewropa.

Ritratt: DOI – Jason Borg