Il-Greċja twissi li toħroġ miż-żona ewro u mill-UE

Il-bank ċentrali Grieg qed iwissi għall-ewwel darba li l-Greċja tinsab fit-‘triq diffiċli’ li tista’ twassal biex il-pajjiż ma jħallasx id-djun u joħroġ miż-żona ewro u mill-Unjoni Ewropea.
Din it-twissija saret hekk kif il-Gvern Grieg u l-kredituri internazzjonali qed iwaħħlu f’xulxin li mhux qed jaqblu fuq ir-riformi ekonomiċi.
Madwar €30biljun f’depożiti inħarġu mill-banek Griegi, bejn Ottubru u April.
Il-bank ċentrali wissa wkoll li t-triq għan-niżla għall-ekonomija Griega se tkun iktar mgħaġġla, jekk ma jintlaħaqx qbil.
Il-Kanċillier Awstrijak, Werner Faymann, li bħalissa jinsab f’Ateni wissa li biex l-Ewropa tkun b’saħħitha, trid turi solidarjetà u toffri appoġġ lill-pajjiżi fil-bżonn.
Il-bieraħ, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker akkuża lill-Gvern Grieg li kien qed jinganna l-elettorat, filwaqt li l-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras akkuża l-UE u l-Fond Monetarju Internazzjonali li qed jippruvaw ‘jumiljaw’ lill-pajjiżu.