Il-Greċja trid il-flus lura

Il-Greċja qed titlob liċ-ċittadini tagħha biex iġibu lura fil-pajjiż fondi moħbija f’kontijiet Svizzeri u f’pajjiżi oħrajn permezz ta’ amnestija parzjali. Hekk kif il-Gvern tal-pajjiż għadu jissielet ma’ qagħda finanzjarja mwegħra u sistema bankarja mill-aktar fraġli, qed iħares lejn din l-amnestija parzjali u volontarja bħala mezz biex jissaħħaħ id-dħul tal-pajjiż.
Fl-aħħar snin, il-Greċja ġiet salvata permezz ta’ tliet bailouts mill-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali.
Skont din l-amnestija, il-multi kollha fuq ir-ripatrijazzjoni ta’ dawn il-fondi se jitneħħew, filwaqt li jiġu applikati rati tal-imgħax attraenti. Sa ammonti speċifiċi, il-Gvern qed jikkometti ruħu li ma jieħux passi kriminali. Filwaqt li din l-amnestija għadha ma ġietx ippubblikata, il-Gvern ammetta li qed jaħdem fuq abbozz ta’ liġi mal-kredituri u aktarx jitressaq fil-ġimgħat li ġejjin lill-Parlament.
Hu stmat li l-Greċja titlef mal-15 sa 20 biljun ewro fis-sena fuq evażjoni fiskali u kummerċ illegali.
Ma’ dan, il-Greċja qed tipprepara ruħha għal aktar miżuri ta’ awsterità marbuta mal-bailout Ewropew. Iżda dawn il-miżuri għandhom ukoll l-għan li  jerġgħu jibnu l-fiduċja tal-investituri u l-konsumaturi fis-sistema finanzjarja tal-pajjiż, hekk kif mill-bidu tal-kriżi, kważi nofs id-depożiti bankarji nġibdu mill-banek lokali u ġew trasferiti barra l-pajjiż.
Fuq nota pożittiva, minkejja li l-evażjoni tibqa’ pjaga għal dan il-pajjiż Mediterranju, id-dħul mit-taxxi fl-ewwel kwart tal-2016 kien skont il-miri tal-baġit. Aħbar li tagħti ftit tan-nifs lill-Gvern Grieg hekk kif matul dawn il-ġranet qed jissottometti l-finanzi tiegħu għal reviżjoni mill-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, fil-ġranet li ġejjin mistennija tidħol fis-seħħ żieda ukoll fit-taxxa fuq id-dħul u fuq it-taxxa fuq l-akkomodazzjonijiet mikrija.
 
Gucci lura fil-pożittiv
Il-kumpanija Franċiża ta’ prodotti lussużi, Kering, proprjetarja tad-ditta Gucci, irrappurtat tkabbir fir-raba’ kwart tas-sena li għaddiet, fl-ewwel sinjali ta’ dawrien fir-rotta taħt il-Kap Eżekuttiv Marco Bizzarri u d-direttur kreattiv il-ġdid Alessandro Michele.
Kering, li hija bbażata f’Pariġi, qalet li l-bejgħ żdiedu bi 8% fuq l-istess kwart ix-xahar ta’ qabel, id-doppju tal-previżjonijiet tal-analisti. Dan wassal għal żieda fid-dħul ta’ kważi 5%, l-aqwa riżultat ta’ din il-kumpanija fl-aħħar tliet snin. Mal-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri, l-ishma tal-kumpanija telgħu 3%.
Fl-aħħar xhur Gucci – li prattikament hija responsabbli għal żewġ terzi tal-profitti kollha ta’ Kering – kienet taħt pressjoni qawwija minħabba riżultati taħt l-istennijiet fl-2015. Filfatt, fil-ġranet li għaddew, kien hemm aspettattivi qawwija għall-ewwel kollezzjoni ta’ Michele, isem mill-aktar infittex fis-suq tal-moda.
Filwaqt li l-kollezzjonijiet inizjali tiegħu jidher li qed iħallu l-frott mixtieq, analisti tas-settur spjegaw kif għadu kmieni biex wieħed jgħid li l-kumpanija reġgħet qabdet rotta pożittiva ta’ tkabbir.
B’mod partikolari, jidher li l-istil ta’ Michele ntlaqa’ tajjeb mal-konsumaturi ta’ ħwejjeġ ta’ lussu fil-Ġappun, fejn il-bejgħ kiber b’14%.
Għal kuntrarju ta’ Gucci, ditta oħra li taqa’ taħt il-kappa ta’ Kering, Bottega Veneta, u li tipproduċi handbags u aċċessorji femminili ta’ lussu, rat il-bejgħ tagħha jonqos b’3.1%.
 
1,250 McDonald’s ġdid fiċ-Ċina
Il-korporazzjoni internazzjonali McDonald’s mistennija tiftaħ 1,250 ristorant fiċ-Ċina fil-ħames snin li ġejjin hekk kif qed tiffoka fuq swieq li qed jikbru fl-isforzi tagħha li ssħaħaħ il-bejgħ. Dan għandu jwassal biex iċ-Ċina ssir it-tieni l-akbar suq tal-katina tal-fast food wara l-Istati Uniti. Il-kumpanija diġà għandha aktar minn 2,200 ħanut fiċ-Ċina.
Fl-istess perjodu, McDonald’s esprimiet interess li tiftaħ mal-250 ħanut f’Ħong Kong u  fil-Korea t’isfel. Hu mistenni li madwar 95% ta’ dawn ir-ristoranti jinfetħu taħt formatt ġeneralment preferut mill-kumpanija, dak ta’ franchise.
Fl-2015, l-akbar espansjonijiet kienu rappurtati li saru fir-Russja, xhieda li l-kumpanija qed tħares lil hin mis-swieq tradizzjonali u tinvesti f’dawk il-pajjiżi bl-akbar potenzjal ta’ tkabbir fis-snin li ġejjin.
Kemm McDonald’s kif ukoll ir-rivali tagħha fis-settur, Yum Brands, propretjarja ta’ ditti rinomati bħal KFC u Pizza Hut qed jaffaċċjaw sfida qawwija minn rivali lokali li joffru alternattivi simili u irħas.
Madankollu, hekk kif aktar Ċiniżi qed jinqatgħu mill-faqar u jsibu impjiegi fl-ibliet, id-domanda għal dawn it-tip ta’ fast food chains qiegħda kull ma jmur tikber.
Din l-aħbar intalaqat b’mod pożittiv mis-suq hekk kif l-ishma ta’ McDonald’s Corp fil-Borża Amerikana żdiedu b’aktar minn 7% mill-bidu tas-sena biex laħqu livell rekord ta’ $126.96.
 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.