Il-Greċja tipposponi l-pagament dovut sal-lum

Kif mistenni, il-Greċja mhix se tħallas il-pagament ta’ €300 miljun dovuti sal-lum imma waslet fi ftehim mal-Fond Monetarju Internazzjonali, li l-ħlasijiet kollha li għandha tagħti f’Ġunju, se tgħaqqadhom flimkien f’pagament wieħed ta’ biljun ewro u nofs sal-aħħar tax-xahar.
It-30 ta’ Ġunju hu wkoll l-aħħar jum li sa dakinhar, il-Greċja trid tilħaq ftehim dwar it-talba ta’ iktar flus li għamlet lill-istess Fond Monetarju Internazzjonali, inkella tfalli.
Ilbieraħ, il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras, fi tmiem laqgħat ma’ uffiċjali għolja Ewropej, qal li l-ftehim bejn il-Greċja u l-kredituri tagħha jidher li hu fil-qrib.
Iktar tard pero’, kelliema għall-istituzzjonijiet Ewropej żvelaw li għad hemm diffikultajiet mhux żgħar bejn iż-żewġ naħat.
Il-kredituri qed jagħfsu biex il-Greċja tnaqqas il-pensjonijiet u s-settur pubbliku, tagħmel riformi fis-sistema tal-VAT, tnaqqas għotjiet b’lura lill-poplu, u żżid l-investiment privat.
Il-Gvern t’Ateni ma jridx jikkunsidra li jżid il-VAT fuq l-enerġija jew li jnaqqas il-pensjonijiet għall-ifqar kategoriji ta’ pensjonanti.