Il-Greċja tibqa’ tħasseb lis-swieq finanzjarji

Waqt li s-swieq finanzjarji Amerikani komplew jissaħħu, dawk Ewropej għadhom mitlufin.
Kull investitur qed jipponta subgħajh lejn il-Greċja.
Jidher li hemm saħħa biex l-Ewropa timxi ’l quddiem imma l-problemi maħluqa mill-Greċja qed iżommu lil kullħadd lura.
Il-Griegi qed iżommu t-tensjoni fis-swieq Ewropej. Sal-aħħar tax-xahar, il-Greċja għandha tħallas parti mid-dejn u interessi. Il-Greċja tant għandha dejn li jridu jgħaddu snin twal biex tkun tista’ tħallsu.
Problema oħra hija li l-Greċja għandha ħafna minn dan id-dejn ma’ pajjiżi Ewropej u għaldaqstant jekk il-Greċja tfalli, din se tħalli problemi fuq pajjiżi oħra.
Kollox jindika li huwa diffiċli ferm li jinstab xi tip ta’ ftehim, imma jekk jinstab, xorta se nkunu qed nassistu għal xeni simili fil-futur qrib għax il-Greċja trid tħallas parti mid-dejn kull xahar.
Sadattant, id-dollaru Amerikan issaħħaħ bi kważi 17% ma’ kull munita oħra fl-aħħar sena.
L-indikazzjonijiet huma li dan se jibqa’ fis-seħħ fix-xhur li ġejjin. Fl-Istati Uniti, il-konsumatur qed jonfoq iktar. Bosta qed jattribwixxu dan għall-fatt li l-prezz tad-diesel u l-petrol hu baxx u għalhekk dan qed jgħin biex il-konsumatur ikollu iktar flus fl-idejn. Anke r-rati ta’ imgħax fuq is-self huma baxxi.
Waqt li l-ishma ta’ kumpaniji fis-settur tas-saħħa fl-Istati Uniti ħadu spinta ’l quddiem, dawk ta’ kumpaniji Ċiniżi ħadu daqqa tajba ’l isfel għalkemm fl-aħħar sena, il-valur ta’ kumpaniji Ċiniżi żdied b’150%.
Anke kumpaniji Taljani raw il-valur tal-ishma tagħhom jiżdied b’madwar 24% s’issa din is-sena. Huma segwiti mill-Irlandiżi u l-Portugiżi li kellhom żieda ta’ 21% fil-valur fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. 
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net, Tel. 21493250. Tista’ tirċievi dan l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment