Il-Greċja se timponi curfew

Commons Wikimedia

Il-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis qal li l-Greċja se timponi curfew matul il-lejl f’dawk iż-żoni l-aktar milquta mill-COVID-19. Dan filwaqt li lbiraħ ħabbar restrizzjonijiet fuq il-moviment f’diversi żoni tal-pajjiż inkluż Ateni.

L-awtoritajiet kienu għadhom kemm ħabbru 882 każ ġdid ta’ coronavirus, l-iktar ċifra għolja wara t-865 li ġew rappurtati l-Erbgħa.

Mitsotakis qal li l-moviment se jkun ipprojbit bejn in-12.30 a.m. u l-5 a.m. f’postijiet meqjusa bħala ta’ riskju għoli u fejn is-sorveljanza għolja kienet meħtieġa, ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju ta’ livell erbgħa mill-awtoritajiet. Il-miżura tidħol fis-seħħ mis-Sibt.

Żewġ reġjuni fit-tramuntana tal-Greċja, Kozani u Kastoria, jinsabu fl-ogħla riskju u diġà tħabbru lockdowns reġjonali, flimkien ma’ provinċji oħra ta’ sorveljanza għolja fit-tramuntana tal-Greċja u r-reġjun ta’ Attica, fejn tinsab Ateni.

Il-Greċja rreġistrat numri sinifikament aktar baxxi ta’ COVID-19 minn pajjiżi oħra fl-Ewropa, għalkemm il-każijiet bdew jiżdiedu kmieni f’Ottubru. Żdiedet ukoll il-frekwenza ta’ l-ittestjar.

“L-għan huwa li jkun kontrollat iżjed il-moviment u l-ħruġ bil-lejl li kien qed iwassal għat-tixrid tal-virus. Għal ftit żmien dan jista’ ma jkunx pjaċevoli iżda dan se jkun ifisser ukoll li biż-żmien, inkunu iżjed f’saħħitna,” qal Mitsotakis.

Iż-żgħażagħ għandhom responsabbiltà li jgħinu fit-trażżin tat-tixrid tal-pandemija, qal Mitsotakis, filwaqt li żied jgħid li l-istat mhux se joqgħod lura milli jieħu passi fil-konfront ta’ dawk in-negozji li jiksru l-liġi. “Issa mhux iż-żmien il-festini u d-divertiment fil-privat meta dan il-virus qed jiddeverti għad-detriment ta’ ħajjitna.”

“L-informazzjoni li qed niġbru hija ċara: it-tixrid tal-virus huwa partikolarment b’saħħtu fost iż-żgħażagħ, u fil-ħinijiet u l-postijiet fejn jinġabru. Iżda minn hemm ‘il quddiem, din tispiċċa tinfirex fost il-familja, u taffettwa lill-anzjani b’mod sproporzjonat.”

Il-Ħamis kienu reġistrati ħmistax-il mewta oħra biex b’hekk it-total ta’ mwiet laħaq it-total ta’ 549, ħafna minnhom anzjani. Aktar minn 90% ta’ dawk li mietu kellhom problemi ta’ saħħa sottostanti.