Il-Greċja miċħuda milli testendi l-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja

Il-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi fiż-żona Ewro rrifjutaw li l-Greċja testendi l-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja iktar mid-data stipulata tat-30 ta’ Ġunju.
Nhar it-Tlieta li ġej il-Greċja għandha tħallas mal-€1.6 biljun ewro lill-Fond Monetarju Internazzjonali. Il-biża’ hi iżda li l-Greċja tista’ toħroġ miż-żona Ewro b’konsegwenzi ta’ kollass fl-ekonomija Ewropea.
Tard il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras ħabbar li kien se jsejjaħ referendum fil-Greċja għal nhar il-5 ta’ Lulju. Liema deċiżjoni, il-Prim Ministru Malti Dr Joseph Muscat iddeskriva bħala irresponsabbli.
Intant il-Bank Ċentrali Ewropew qiegħed isegwi mill-qrib dawn l-aħħar żviluppi u mistennija tissejjaħ laqgħa biex tiddiskuti din is-sitwazzjoni.
Il-Ministru tal-Finanzi Grieg, Yanis Varoufakis qal li d-deċiżjoni tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona Ewro li ma tapprovax l-estenzjoni tal-bailout, qed timmina l-kredibbilità tal-grupp taż-żona Ewro.