Il-Greċja għandha pjan “b’konċessjonijiet diffiċli”

Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras qal li pajjiżu għandu proposta realistika xi jressaq lil min għandu jagħti l-flus biex jevita li jfalli u joħroġ mill-ewro.
Skont Tsipras, il-pjan jinkludi “konċessjonijiet li huma diffiċli”.
Tsipras qal dan wara li sar magħruf li dalgħodu kienu qed jiltaqgħu l-ogħla mexxejja tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropew, mal-Kanċillier Ġermaniż u mal-President Franċiż, propju biex iħejju l-aħħar pjan għall-Greċja.
Il-Prim Ministru Grieg qal li pajjiżu mhux jistenna pjani mingħand ħadd imma hi l-istess Greċja li se tissottometti pjan.
Qal li hi deċiżjoni tal-mexxejja l-oħra Ewropej jekk iridux jadattaw irwieħhom għar-realtà.
Kelliem għall-grupp Parlamentari ta’ Tsipras, b'mod separat, qal li l-Greċja mhix se taċċetta proposti li jmorru kontra l-programm elettorali tagħha ta’ miżuri kontra l-awsterità.