Il-grawnd tal-Università mhux se jintuża mill-Gżira United

L-Università ta’ Malta kkjarifikat li l-klabb tal-Gżira United mhux vera li se jkun qed jagħmel użu mill-grawnd tal-Università għall-iskopijiet tiegħu, dan fil-kuntrarju għal dak li ħareġ fil-midja lokali.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret xahar ilu, il-President tal-Premier League Sharlon Pace qal lill-midja li l-klabb kien bi ħsiebu jagħmel xogħol ta’ renovar lill-grawnd tal-futbol tal-Università sabiex dan jinbidel fi stadium li jesa’ 5,000 persuna, parkeġġ u uffiċini li jistgħu jintuża mill-Università ta’ Malta.

Fi stqarrija l-Università iċċarat li ma hemm l-ebda ftehim fuq tali użu tal-grawnd u sostniet li għandha l-pjanijiet tagħha dwar l-użu tal-faċilitajiet sportivi u li għalihom għadha kemm ippreżentat il-pjanti lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-proġett ambizzjuż biex il-kumpless sportiv tal-Università, inkluż il-grawnd jiġi rinovat u jkun jista’ jitgawda mill-eluf ta’ studenti li jistudjaw fl-istess Università.

L-Università insistiet li fiċ-ċirkustanzi mhux possibbli li l-klabb tal-Gżira jagħmel użu mill-faċilità u jippjana xogħol infrastrutturali.