Il-Gran Mastru tal-Ordni ta’ Malta ordnat ma jattendix laqgħa fejn se jinħatar is-suċċessur tiegħu

Dak li kien il-Gran Mastru tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ Malta,  Matthew Festing, kien ordnat mid-Delegat Speċjali tal-Vatikan għall-Ordni, l-Arċisqof Angelo Becciu biex ma jattendix għall-elezzjoni tas-suċċessur tiegħu li se ssir f’Ruma fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.
F’ittra li Becciu bagħat lil Festing, fil-kwalita’ tiegħu ta’ Delegat Speċjali tal-Ordni, qallu biex ma jattendix għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Istat meta se ssir l-elezzjoni għal Gran Mastru l-ġdid. Dan talabulu bħala “att ta’ ubbidjenza” u sagrifiċċju għall-ġid tal-Ordni ta’ Malta.
Din id-deċiżjoni kienet diskussa wkoll mal-Papa Franġisku li qabel magħha. Fid-dawl ta’ dak li kien qal Festing f’intervista mal-Catholic Herald ix-xahar l-ieħor, meta kien iddikjara li kien ingħata l-approvazzjoni mill-Papa Franġisku nnifsu biex jikkontesta l-elezzjoni għal Gran Mastru, l-ordni tal-Arċisqof Becciu tqieset bħala sorpriża.
F’dik l-intervista Festing qal li kien staqsa lill-Papa “ipotetikament x’kien jiġri kieku hu kellu jerġa’ jkun elett bħala Gran Mastru u wara li ħasibha ftit il-Papa Franġisku wieġbu OK”. Hu qal li ma kellu ebda intenzjoni li jagħmel kampanja biex jerġa’ jkun elett, imma jekk sħabu jeleġġuh, kien jikkunsidraha.
Mossa bħal din żgur li ma tinżlx tajjeb mal-Vatikan billi Festing kien intalab jirriżenja mill-Papa wara inkjesta li saret mis-Santa Sede dwar it-tkeċċija ta’ Albrecht von Boeselager minn Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ordni wara li kien akkużat li ħalla t-tqassim ta’ condoms fi Myanmar u partijiet tal-Afrika.
Ma hemmx dubju li bil-peżenza ta’ Festing jew mingħajrha se jkun hemm tensjoni qawwija fil-laqgħa tad-29 ta’ April f’Ruma fejn il-Kunsill tal-Istat tal-Ordni se jiltaqa’ fi speċi ta’ konklavi biex jaħtar il-Gran Mastru l-ġdid. Il-Vatikan ma għandu ebda seta’ li jaċċetta jew ma jaċċettax lil min jinħatar, imma jkun infurmat bl-għażla.  Sorsi qrib l-Ordni jaħsbu li aktarx jinħatar Gran Mastru proviżorju għal żmien ta’ sena biex jagħmel ir-riformi meħtieġa.