Il-Graffitti jinsistu li t-triq proposta f’Ħad-Dingli teħtieġ permess

Moviment Graffitti

Read in English.

Il-Moviment Graffiti qed insisti li mhux minnu li t-triq proposta fuq art agrikola biex tgħaqqad Sqaq il-MUSEUM, id-Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco f’Ħad-Dingli m’għandhiex bżonn permess, kif qed jinsistu l-awtoritajiet.

Ix-xogħol fuq it-triq kien se jibda f’Ottubru, imma ġie mwaqqaf bl-azzjonijiet ta’ attivisti u residenti tal-lokal. Ix-xogħol ma kienx kopert b’permess, iżda Infrastructure Malta insistiet li da nil-permess ma kienx hem bżonnu peress li kienet triq skemata fin-North West Local Plan tal-2006.

Però Graffitti qalu li meta tifli l-pjan lokali u tqabblu mat-triq skemata kif tidher fil-GeoServer tal-Awtorità tal-Ippjanar, din mhux korretta, għax it-tnejn ma jaqblux ma’ xulxin.

“Il-Pjan Lokali jindika biss l-allinjament tat-triq fuq naħa waħda u ma jurix l-allinjament fuq in-naħa l-oħra. Dan għaliex, nofs, jekk mhux iktar, tat-triq jiġi jaqa’ barra ż-żona tal-iżvilupp (ODZ) u għalhekk applikazzjoni għall-iżvilupp hija meħtieġa biex it-triq tkun tista’ tinbena, kontra ta’ dak li qalet Infrastructure Malta bosta drabi,” qalet Graffitti.

L-għaqda fakkret li kieku mhux għal membri tagħha u għar-residenti u bdiewa li waqqfu x-xogħolijiet fil-ħin, “kieku mhux biss il-knisja medjevali ta’ Santa Duminka kienet tkun fil-periklu li tiġġarraf, imma t-triq kienet tinbena bla permess kif titlob il-liġi, daqs li kieku għadda bulldozer minn fuq ir-residenti, il-bdiewa u art agrikola privata.”

Żiedet li dan l-iżvilupp kompla tawwal il-lista ta’ illegalitajiet li Infrastructure Malta ilha tipprova tgħaddi.

Qalet li la ġie kkonfermat li t-triq teħtieġ permess, titlob li l-gvern iwaqqaf il-proġett immedjatament u b’mod definittiv, u biex jitneħħew il-pjanijiet mhux kompluti ta’ din it-triq minn fuq il-pjan lokali.