Il-Graffitti b’sejħa għal min hu kontra l-mina

Read in English.

Il-Moviment Graffitti ħareġ sejħa għall-Għawdxin kontra l-proġett tal-mina biex jagħmlu kuntatt magħhom biex jibdew jaħdmu flimkien mal-għaqda.

Fuq Facebook, l-għaqda qalet li l-proposta tal-Gvern għall-mina tal-karozzi bejn Malta u Għawdex mhux se tkun qed tindirizza l-isfidi ta’ Għawdex. Spjegaw ukoll li jafu li hemm ħafna Għawdxin li jinsabu mħassba dwar dan il-proġett propost.

Kien għalhekk li permezz ta’ din is-sejħa l-grupp ħeġġeġ lill-individwi, gruppi ta’ residenti u għaqdiet Għawdxin biex jikkuntattjawhom fuq l-email gozo@movimentgraffitti.org.

F’Ġunju li għadda, il-Ministru għat-Trasport u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qalu li għalqet is-sejħa għall-parteċipazzjoni fi pre-qualification questionnaire (PQQ) li ħarġet Infrastructure Malta f’Jannar ta’ din is-sena. Dakinhar f’konferenza tal-aħbarijiet huma ħabbru li hemm erba’ offerenti għall-mina li saru minn żewġ konsorzji u żewġ kumpaniji minn diversi pajjiżi differenti, inkluż Malta.