Aġġornata: Il-Graffiti jikkundanna bil-qawwi l-proposta tal-MEA dwar is-sick leave

Il-Moviment Graffiti kkundanna l-proposta tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) dwar is-sick leave, għax argumenta li din tmur kontra l-prinċipju ta’ xogħol diċenti u tkisser ix-xogħol kollu li jsir mill-għaqdiet favur il-ħaddiema.
Huwa kien qed jirreferi għall-proposta baġitarja tal-MEA, li persuna ma titħallasx fl-ewwel jum li tieħu sick. Dil-proposta ressqitha għax qalet li hi mħassba dwar l-ammont ta’ sick leave li jinzerta l-Ġimgħa u jkun għal ġurnata waħda.
Il-Graffiti qalu li proposta bħal din turi kemm l-MEA ma tħossx il-polz tal-familji tal-ħaddiema li jaffaċċjaw sfidi kuljum minħabba l-għoli tal-ħajja.
Barra minn hekk, tkompli l-istqarrija, il-proposta ma tikkunsidrax il-fatt li l-pagi f'Malta huma ferm aktar baxxi minn dawk fl-Ewropa kontinentali.
Il-moviment offra s-sħubija tiegħu lil movimenti tal-ħaddiema f’Malta jekk is-sick leave ikun mhedded b’dal-mod.
Temm jgħid li s-saħħa u l-kwalita’ tal-ħajja tal-ħaddiema għandhom dejjem ikunu prijoritizzati fuq il-qligħ.
Moviment Graffiti rrimarka li lanqas jaqbel mal-proposta l-oħra tal-MEA li s-sidien ikollhom id-dritt li jagħmlu testijiet mediċi lill-impjegati biex jaraw humiex taħt l-effett tal-ħaxixa.
Il-grupp sostna li dan jista’ jwassal għal intrużjoni fil-ħajja privata tal-ħaddiem.
L-MUMN u l-Forum Unjins Maltin jingħaqdu fil-kundanna
L-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) qalet li ma taqbel bl-ebda mod mal-proposta tal-MEA.
Sostniet li kull sick leave li jiċċertifikah tabib huwa ġenwin u għalhekk żgur li m'hemmx diskussjoni dwaru.
Min-naħa l-oħra l-Forum Unjins Maltin huwa kontra kull forma t'abbuż u lesta taħdem ma' min qed jaħdem biex iwaqqaf xi abbużi li jsiru bis-sick leave.