Il-Graffiti b’manifestazzjoni ta’ solidarjetà mal-poplu Palestinjan

Il-Moviment Graffiti flimkien mal-Ambaxxata tal-Istat Palestinjan f'Malta se jorganizzaw manifestazzjoni ta’ solidarjetà quddiem il-Parlament biex jipprotestaw kontra dik li sejħulha “inġustizzja kbira mal-Palestinjani”.
Il-moviment enfasizza li d-deċiżjoni ta’ Trump tkompli tkisser kull tama li kien hemm biex tinkiseb il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Aktar kmieni dil-ġimgħa, il-President Amerikan irrikonoxxa uffiċjalment lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, deċiżjoni li qajmet kontroversja internazzjonali.
Minn dakinhar il-protesti fil-Palestina ma waqfux, iżda mhux biss. Illum protesti qliel seħħew fil-Libanu quddiem l-Ambaxxata Amerikana, u l-forzi tas-sigurtà kellhom iwaqqfu lin-nies bil-gass tad-dmugħ u l-ilma.
Iżrael dejjem qies lil Ġerusalemm kollha bħala l-kapitali tiegħu, iżda l-Palestinjani jgħidu li l-Lvant tal-belt, li Iżrael qabad u okkupa wara l-gwerra tal-1967, huwa tagħhom.
Il-mossa ta’ Trump tista' tfisser li l-Iżraeljani jkollhom aktar poter fil-Lvant tal-belt, u dan ifisser okkupazzjoni aktar mifruxa minn naħa tagħhom.
Sadanittant, f’riżoluzzjoni li se tintbagħat lin-Nazzjonijiet Magħquda, 22 pajjiż, fosthom ħbieb tal-Istati Uniti, qalu li minn issa ’l quddiem l-Istati Uniti ma tistax tibqa’ tittieħed bis-serjetà meta titkellem fuq il-paċi fil-Lvant Nofsani.
Sadanittant, il-Moviment Graffiti qed jistieden lil kull min għandu għal qalbu l-ġustizzja fil-Palestina sabiex jinġabar quddiem il-Parlament nhar l-Erbgħa fit-3pm.