Il-gradwati tal-ITS jingħataw ċertifikat tal-blockchain

ITS / Facebook

L-istudenti li ggradwaw mill-ITS nhar il-Ħadd, 3 ta’ Diċembru, apparti miċ-ċertifikat ta’ gradwazzjoni mill-kors tagħhom, ingħataw ukoll ċertifikat tal-blockchain għat-tieni sena konsekuttiva.

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) huwa l-ewwel istitut tal-ospitalità li qed jagħmel dan madwar id-dinja, permezz ta’ inizjattiva tal-Ministeru għall-Edukazzjoni b’kollaborazzjoni ma’ Learning Machine Technologies, kumpanija bbażata f’Malta u fl-Istati Uniti li tipprovdi ċertifikati dwar il-blockchain li jgħoddu internazzjonalment.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, qal li jinkoraġġixxi lill-istudenti biex ikomplu jistudjaw kemm jistgħu.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li  aktar ma jmur, aktar qed isir xogħol fuq l-ITS biex issir istituzzjoni ta’ livell dinji għoli. Qal li dan qed isir b’kampus ikbar issa li qiegħed f’Ħal Luqa, li jakkomoda 70% iżjed studenti u jara li jkattar in-nies li jaħdmu fis-settur tal-ospitalità u t-turiżmu.