Il-grada nstallata f’Ħ’Attard għax il-pubbliku ma kkoperax – Infrastructure Malta

Moviment Graffitti

Read in English.

Infrastructure Malta sostniet li l-grada b’katnazz li kienet installata fi Triq Fedinand Inglott f’Ħ’Attard waqt li hemm xogħlijiet tal-proġett tas-Central Link saret għax il-pubbliku ma obdiex mit-tabelli fiż-żona.

Din il-ġimgħa, residenti ta’ Triq Fedinand Inglott f’Ħ’Attard sabu t-triq tagħhom magħluqa bi grada u katnazz hekk kif Infrastracture Malta tinsab għaddejja bix-xogħlijiet fuq il-proġett tas-Central Link. Dan żvelatu l-għaqda Moviment Graffitti permezz ta’ post fuq Facebook fejn anke ppubblikat xi ritratti. L-NGO insistiet li m’hemmx possibiltà għal aċċess tat-triq permezz ta’ karozzi, anke f’każ ta’ emerġenza. Sostniet li deċiżjoni tat-tip hija krudili fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà u anzjani li jgħixu fiż-żona.

Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu lil Infrastructure Malta sabiex jikkonferma x’kienet ir-raġuni li wasslet sabiex il-grada tiġi installata u jekk dan sarx b’permess jew le.

Il-kelliem għal Infrastructure Malta spjega li matul il-lejl, persuni mhux magħrufa ġieli anke qalgħu s-sistemi ta’ lqugħ maħsuba biex iħarsu lil dawk li jkunu għaddejjin fuq il-bankini bil-mixi. Qal li dan b’mod li joħolqu aktar perikli. Spjega li nqalgħu wkoll it-tabelli temporanji li saru biex jindikaw li f’din il-parti tat-triq ma setgħux ikunu pparkjati l-karozzi.

Hu kompla billi qal li minħabba f’hekk, il-kuntratturi ma kellhom l-ebda triq oħra ħlief li jagħlqu l-aċċess għall-karozzi f’dan l-isqaq bi grada. Għall-ewwel, il-grada tħalliet mhux imsakkra għal każi ta’ emerġenza, iżda xi persuni xorta waħda injoraw it-tabelli u fetħu l-grada biex jgħaddu bil-karozzi u jipparkjaw fl-isqaq fejn għaddej ix-xogħol. Hu qal li kien biss wara “dan l-aġir perikoluż u rresponsabbli” li l-grada kellha tissakkar bil-katnazz.

“Dan xorta waħda mhux iwaqqaf lil xi persuni milli jidħlu bil-vetturi tagħhom fil-parti tat-triq fejn hemm it-trinek miftuħa, għaliex fil-jiem li għaddew il-grada protettiva ġiet sgassata diversi drabi bil-lejl,” qal il-kelliem.

Newsbook.com.mt staqsa dwar jekk hemmx sistema li tħares is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti fit-triq, iżda l-kelliem ma weġibx din il-mistoqsija fir-risposti tiegħu.

Il-proġett tas-Central Link huwa investiment ta’ €55 miljun “biex jonqos il-ħin fl-ivvjaġġat, titjieb il-kwalità tal-arja u jinħolqu faċilitajiet aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.” Permezz tiegħu, se jkunu qed jinbnew 13-il junction, jitneħħew erba’sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri ta’ korsiji ġodda tul ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jkun hemm ukoll 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet maqtugħin mit-triq biex taqsam min-naħa għall-oħra, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq fil-pajjiż. Qalet ukoll li se tkun qed tiżviluppa 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.