​Il-Gozo Channel tikkonferma li mhux suppost iġġorr katavri

Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina kkonferma li mhux suppost isir ġarr ta’ katavri fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.
Ma’ Newsbook.com.mt, Joe Cordina qal li bħalissa l-kumpanija qed tevalwa l-policy eżistenti dwar ġarr ta’ katavri fuq il-vapuri tagħha. Spjega li issa jrid jiġi deċiż jekk il-policy tibqax kif inhi jew inkella tinbidel biex il-karozzi tal-mejtin bil-katavri jkunu jistgħu jitilgħu fuq il-vapur bħall-karozzi l-oħra.
Dan jikkonferma dak li rrapporta Newsbook.com.mt aktar kmieni dan ix-xahar li l-proċedura hi li l-katavri bejn iż-żewġ gżejjer jiġu trasportati b’lanċa.
Fis-7 ta’ Jannar li għadda, l-istess ċermen kien qal ma’ Newsbook.com.mt li kienet biss policy taħt tmexxijiet preċedenti li hearses ma jitħallewx jitilgħu abbord il-vapuri.
Kien spjega wkoll li d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali ma jsib l-ebda oġġezzjoni għat-trasportazzjoni ta’ katavri abbord il-vapuri sakemm ikunu f’hearse awtorizzata.
Iċ-ċermen tal-Gozo Channel ma bagħtilna l-ebda tweġiba dwar fhiex waslu l-investigazzjonijiet fuq il-każ ta’ nhar it-Tnejn 5 ta’ Jannar, meta hearse b’katavru fiha telgħet fuq vapur tal-Gozo Channel li kellu l-passiġġieri abbord.
Lura fl-2012, wara li ġiet ippubblikata ittra fuq ġurnal lokali b’ilment li katavri ma jistgħux jinġarru bil-Gozo Channel, il-kumpanija kienet spjegat li l-qarrej tal-ġurnal mhux infurmat tajjeb u li katavru jista’ jinġarr skont proċeduri tal-kumpanija.