Aġġornata: Il-Gozo Channel tiċħad li l-MV Gaudos dar lura fuq ordni tal-Ministru

Il-kumpanija Gozo Channel fi stqarrija ċċarat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-artiklu li deher f’The Times fejn ġie allegat li l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ordna li l-vapur MV Gaudos idur lura lejn iċ-Ċirkewwa biex ikun jista’ jmur Għawdex.

Gozo Channel sostniet li l-vapur MV Gaudos telaq fi vjaġġ addizzjonali mill-Mġarr fit-8 ta’ filgħaxija.

Il-vapur telaq lejn iċ-Ċirkewwa fejn hemmhekk kien se jieqaf għal matul il-lejl.

Fl-istqarrija, il-kumpanija ssostni li l-vapur beda l-vjaġġ meta kien għad fadal passiġġieri u vetturi li kienu qed jistennew biex imorru l-Mġarr.

Il-Gozo Channel spjegat li l-vapur, għalkemm kien se jmur Għawdex biex jitrakka għal-lejl, irid itella’ u jwassal lill-passiġġieri l-Mġarr.

Kien hawnhekk issostni l-istqarrija, li l-uffiċjal responsabbli rċieva telefonata mingħand il-Ministru Refalo fejn sostna li l-vapur kien telaq meta kien għad hemm il-passiġġieri jistennew.

Il-Gozo Channel issostni li fl-ebda mument il-Ministru ma ordna jew staqsa biex il-vapur idur lura ċ-Ċirkewwa.

L-uffiċjal responsabbli ddeċieda li kien żball tal-kumpanija u ordna lill-MV Gaudos biex idur lura.

L-istqarrija ssostni li kien l-uffiċjal responsabbli li ordna lill-Kaptan tal-vapur biex idur lura. 

Dwar dan il-każ, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija jinnota li kull ma jmur qiegħed jidher aktar ċar kemm il-Ministri telgħalhom il-poter għal rashom.

Fil-leġislatura li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ħa azzjoni kontra min ipprova jabbuża mill-poter b’dan il-mod.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li jidher ċar li kien il-Ministru Anton Refalo li ordna biex il-vapur idur lura biex issa qiegħed joħloq storja biex il-ħtija jitfagħha fuq ħaddieħor.

L-istqarrija ssostni li dan l-aġir tal-Ministru għal Għawdex hu deplorabbli u l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirrispondi jekk japprovax jew le minn din l-attitudni abbużiva.