Aġġornata: Jitlaq vojt minn Għawdex biex jipprova jorbot iċ-Ċirkewwa

Vapur tal-Gozo Channel telaq vojt mill-Port tal-Imġarr biex jipprova jorbot mal-moll taċ-Ċirkewwa minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp.
Newsbook.com.mt hu infurmat li t-tentattiv biex dan il-vapur jirnexxielu jorbat fallew bil-konsegwenza li l-vapur kellu jdur lura u jitħassru numru ta' vjaġġi.
Il-vjaġġi tal-Gozo Channel minn Għawdex waqfu joperaw iktar kmieni illum wara li l-vapur li kellu jitlaq fl-5.15pm mill-Port tal-Imġarr, ħalla l-karozzi jistennew u telaq lejn iċ-Ċirkewwa.
Iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina kkonferma li s-servizz tal-Gozo Channel ma kiex qed isegwi l-ħin skedat u xi vjaġġi ġew imħassra.
F’maltempati b’riħ mit-Tramuntana, il-vapuri ma jkunux jistgħu jorbtu mal-moll taċ-Ċirkewwa.
Aktar kmieni:
Uffiċjal tal-Gozo Channel ikkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u qal li l-vapur tal-5.15pm “telaq vojt” iżda ma qalx x’kienet ir-raġuni.
Jidher li l-vjaġġ li kien imiss fis-6pm inqabeż ukoll bl-ewwel vapur jitlaq minn Għawdex bil-karozzi u l-passiġġiera fis-6.45pm.
Dan id-dewmien ikkawża kju twil fil-Port tal-Imġarr, b’numru ta’ passiġġiera jilmentaw u jargumentaw mal-uffiċjali preżenti.
Għal xi ħin, il-kju kien jasal sal-post fejn qed jittella l-presepju annwali Betlem f’Għajnsielem.