Il-Gozo Channel iddaħħal iż-żewġ vjaġġi li neħħiet xahar ilu

Min-nhar it-Tnejn li ġej, il-Gozo Channel se terġa’ tibda tagħmel iż-żewġ vjaġġi, li kienet neħħiet mill-iskeda tas-sajf ix-xahar li għadda.
Newsbook.com.mt huwa infurmat li bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa se jerġgħu jibdew isiru l-vjaġġi tas-6.30am u tas-7am, mill-Imġarr u ċ-Ċirkewwa. Infurmati wkoll li fis-Sibtijiet, il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi, il-Gozo Channel se tagħmel żewġ vjaġġi oħra fis-6.45am.
Fl-iskeda tas-sajf li ħarġet fit-23 ta’ Ġunju li għadda, il-vjaġġi tas-6.30am u tas-7am kienu mniżżlin li se jsiru kull nhar ta’ Tnejn biss, l-istess bħax-xitwa. Dan għal kuntrarju għall-iskedi tas-sjuf ta’ qabel. Infurmati wkoll li l-kopji tat-timetables li ġew ipprintjati xahar ilu kellhom jinġabru.
Ma’ Newsbook.com.mt iċ-Ċermen tal-Gozo Channel Joe Cordina kien qal li l-kumpanija naqqset il-vjaġġi ta’ filgħodu minħabba li kienet qed issibha diffiċli biex tipprovdi vjaġġ partikolari.  Kien spjega li “huwa diffiċli ħafna biex fi 30 minuta, il-vapur jitlaq mill-Imġarr, jasal iċ-Ċirkewwa, iniżżel u jtella’ l-karozzi u jitlaq fil-ħin miċ-Ċirkewwa.”
L-iskeda tas-Sajf se tibqa’ għaddejja sat-28 ta' Settembru.