Il-Gozo Channel iddaħħal €276,000 miż-żewġ kafeteriji tat-terminals

F’erba’ snin, il-kumpanija Gozo Channel se tkun daħħlet aktar minn kwart ta’ miljun (€276,000) f’konċessjoni taż-żewġ kafetteriji fit-terminals tal-vapuri.
Mid-dettalji li ġew ippubblikati fil-Parlament mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, joħroġ li l-konċessjoni ngħatat lil Good Earth Limited f’April 2014, wara deċiżjoni tal-Bord tal-Gozo Channel mingħajr sejħa għall-offerti.
Id-deċiżjoni kienet ittieħdet għal erba’ snin u dan ifisser li f’April li ġej tiskadi l-konċessjoni.
Fil-preżent il-konċessjonijiet u kirjiet jinkludu anke l-ispazji ta’ reklamar fil-propjetà tal-Gozo Channel li tinkludi kemm it-terminals kif ukoll it-tliet vapuri, spazju għall-vending machines, booths għall-operaturi tax-xarabanks privati u l-ispazju għall-ATM fit-terminal tal-Imġarr.
L-ispazju għall-vending machines fit-terminals u fuq il-vapuri ngħata lil Appetite Vending għal €90,600, f’konċessjoni ta’ sentejn li bdiet fl-ewwel ta’ Marzu 2017. L-ispazju għar-reklamar fiż-żewġ terminals ingħata lil Aiken Services Ltd għal €60,200, f’konċessjoni għal erba’ snin mill-ewwel ta’ Frar 2015.
Fiż-żewġ każijiet kien hemm sejħa għall-offerti.