Il-ġonna tal-monasteru tal-klawsura fil-Belt jiftħu għall-pubbliku

Żewġ ġonna fil-Belt Valletta li nbnew fis-seklu 16 u għandhom ‘il fuq minn 400 sena se jkunu miftuħa għall-pubbliku għall-ewwel darba bejn is-6 u t-8 ta’ Mejju li ġej. 
Il-ġonna jinsabu fil-qalba tal-Monasteru Santa Katerina, bini tas-seklu fi Triq ir-Repubblika mmexxi minn sorijiet tal-klawsura u mill-Palazz tal-Arċisqof ta’ Triq l-Arċisqof.
Iż-żewġ ġonna se jkunu miftuħin bejn id-9.00am u nofsinhar u bejn l-4.00pm u s-7.00pm matul it-tliet ijiem tal-Valletta Green Festival.
Iċ-ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li “l-Festival joffri opportunità unika lill-familji biex jżuru l-Belt matul tmiem il-ġimgħa ta’ Jum l-Omm u jgawdu dawn il-ġonna sigrieti li jinsabu fil-qalba tal-Belt.”
L-Infiorata magħmula minn 80,000 xitla se tifforma l-pjanta tal-Belt
Din it-tielet edizzjoni tal-Festival se terġa’ ttella’ l-Infiorata, tapit kbir magħmul minn ’il fuq minn 80,000 xitla fi Pjazza San Ġorġ.
B’kuntrast mas-snin imgħoddija l-edizzjoni ta’ Infiorita din is-sena għandha tifsira speċjali. Filfatt il-pjanti qegħdin jintużaw biex jipproduċu mill-ġdid il-kontorni ta’ wieħed mill-pjanijiet bikrin tal-Belt u tal-fortifikazzjonijiet tagħha.
Dan jenfasizza l-importanza storika tal-Belt li fl-1980 ingħatat ir-rikonoxximent ta’ Sit ta’ Patrimonju Dinji mill-UNESCO.
Din l-attrazzjoni qed tittella’ mill-Environmental Landscaping Consortium, l-ELC u se tkunn iffurmata minn 80,000 pjanta mħawlin fi qsari li tkabbru tul l-aħħar 12-il ġimgħa fl-imxietel tal-ELC.
Wara l-festival il-fjuri ser jerġgħu jinżergħu f’ġonna pubbliċi u f’żoni ħodor f’Malta u f’Għawdex.
Ritratt: Gareth Degiorgio