€1.7 miljun għall-ġurnalisti investigattivi mill-Golden Globes

L-Assoċjazzjoni ta’ Hollywood għall-Ġurnaliżmu Internazzjonali ħabbret li se tkun qed tagħti somma ta’ €1.7 miljun lill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) u lill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti.
Dan tħabbar ilbieraħ waqt iċ-ċerimonja tal-Golden Globes, li tirrikonoxxi l-aqwa fl-industrija tal-films u t-televiżjoni Amerikana.
L-ICIJ beda jsemma' leħnu meta żvela dawk magħrufa bħala l-Panama Papers u fl-aħħar xhur l-investigazzjoni dwar il-Paradise Papers, li kixfu persuni fil-poter jew sinjuri, li b’mod sigriet jinvestu ammont kbir ta’ flus f’pajjiżi tax haven.
F’kummenti, id-direttur tal-Konsorzju, Gerard Ryle, qal li qatt daqs illum ma kien importanti li l-ġurnaliżmu investigattiv ikun sostnut u ssaportjat.
“Il-verità hija mhedda, kemm politikament u anke ekonomikament u r-realtà brutali tal-aħħar snin qed turi kif ġurnalisti kuljum jirriskjaw ħajjithom għax jagħmlu xogħolhom, anke f’dawk il-pajjiżi li qabel kienu meqjusa siguri.”
Ryle kompla jispjega li l-għan tal-Konsorzju huwa li jġib flimkien ġurnalisti minn madwar id-dinja bil-għan li jipproteġu l-verità u anke lilhom infushom. Fuq kollox saħaq li dak li jgħid il-Konsorzju jkun ibbażat fuq informazzjoni dokumentata li diffiċli wieħed jiċħad.
Il-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi  huwa magħmul minn madwar 200 ġurnalist u 100 organizzazzjoni minn 70 pajjiż differenti.
Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, huwa membru ta' dan il-konsorzju. It-Times of Malta huwa wieħed mis-sħab ta' dan il-konsorzju.